Futbol Sport

Arsenal jippruvaw iżommu l-ewwel post qabel il-waqfa

Fl-Ingilterra bħal f’kull parti oħra tal-ewropa, tintlagħab l-aħħar ġurnata ta’ logħbiet qabel il-waqfa minħabba t-Tazza tad-Dinja fil-Qatar.

Il-leaders Arsenal, li fost il-ġimgħa kienu eliminati mil-League Cup immorru għand Wolves fejn jippruvaw jiksbu r-rebħa biex b’hekk iżommu l-ewwel post tul il-ġimgħat kollha tat-Tazza tad-Dinja. Fl-aħħar logħba fil-kampjonat Arsenal kisbu rebħa prezzjuża fi Stamford Bridge fid-derby ta’ Londra u m’għadhomx ifallu kontra Wolves li jinsabu jissieltu kontra r-relegazzjoni.

L-insegwituri tal-Gunners, iċ-champions Manchester City ikunu f’darhom kontra Brentford, filwaqt li Manchester United, wara l-konfront doppju kontra Aston Villa, b’telfa fil-kampjonat u rebħa fil-League Cup, għada jkunu għand Fulham logħba xejn faċli għar-Red Devils.

F’logħbiet oħra Liverpool jospitaw lil Southamton li fost il-ġimgħa keċċew lill-manager tagħhom, u Tottenham jospitaw lil Leeds li kisbu żewġ rebħiet fl-aħħar logħbiet fil-Premiership. Logħba li għandha tkun ferm interessanti hi dik bejn Newcastle u Chelsea fejn il-Magpies jippruvaw jikkonsolidaw it-tielet post tagħhom.