Rowen Camilleri
BIRKIRKARA………1
GŻIRA U……………….1
Birkirkara: G. Nava (A. Sylla 46’), O. Iorio, E. Pepe, A. De Paixao, Y. Yankam, P. Mbong (D. Ribeiro 85’), K. Zammit, C. Attard, S. Zibo, A. Coppola, K. Tulimieri (E. Cabrera 71’)
Gżira U: D. Zarkov, G. Bohrer, L. Tabone, N. Muscat (S. Pisani 46’), Z. Scerri, M. Dias, L. Riascos, T. Kolega, M. Cosic, M. Maia, J. De Assis
Imwissija: A. Coppola 28’, E. Pepe 57’ (B), J. De Assis 54’ (G)
Skorjaw: M. Maia 9’ (G), P. Mbong 20 (B)
Referee: Malcolm Spiteri
Assistenti Referees: Alan Camilleri u Thomas Debono
Il-Mument Plejer tal-logħba: Jefferson De Assis (Gżira United)
BOV Plejer tal-logħba: Jefferson De Assis (Gżira United)
F’partita bbilanċjata u movimentata Birkirkara u Gżira United ħadu punt kull wieħed meta b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Il-partita kellha tieqaf għal aktar minn tliet kwarti minħabba l-maltemp iżda wara l-evalwazzjoni tal-uffiċjali l-konfront kompla mill-64 minuta. Din kienet is-sitt partita bla rebħa għat-tim ta’ Birkirkara filwaqt li għal Gżira dan kien ir-raba’ draw tal-istaġun.
Fid-disa’ minuta Gżira United marru minn fuq meta kien il-Brażiljan MAXUELL MAIA li mill-viċin għeleb lil Giacomo Nava. Mal-kwarta logħob Gżira għoddhom għamluhom tnejn meta kien Bohrer li ttanta xortieh minn free-kick mill-bogħod bil-konklużżjoni tiegħu taħbat ma’ sieq il-lasta qabel mal-ballun kien imtajjar mid-difiża Karkariża. Birkirkara għamlu l-iskor indaqs fl-20 minuta permezz ta’ PAUL MBONG li approfitta minn zball ta’ Nikolai Muscat li qassam lura bil-midfielder internazzjonali Malti jieħu l-ballun u javvanza u b’xutt minn barra l-kaxxa tefa’ wara Zarkov. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima il-goalkeeper ta’ Birkirkara wettaq save mill-isbaħ fuq daqqa ta’ ras ta’ Gabriel Bohrer minn free-kick mgħoti minn Nikolai Muscat b’din tkun l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu f’parità ta’ 1-1.
L-ewwel azzjoni fit-tieni taqsima waslet minn Gżira United meta Jefferson De Assis bir-ras impenja lill-goalkeeper sostitut Amara Sylla li kellu jilqa’ b’diffikultà qabel mad-difiża tajret il-periklu. Fl-64 minuta r-referee Malcolm Spiteri waqqaf il-logħob minħabba ammont kbir ta’ xita li kienet nieżla f’Ta’ Qali bil-partita tkompli madwar 48 minuta wara. Mill-ewwel Ġżira fuq l-attakk bid-difiża ta’ Birkirkara maqbuda u De Assis qassam lejn Maia li fil-mument li deher li seta jsib ruħu waħda ma’ Sylla, il-goalkeeper Karkariż antiċipa tajjeb u b’ħarġa mill-aqwa tajjar il-periklu. Fis-67 minuta Iorio sab ruħu quddiem il-goalkeeper ta’ Ġżira Zarkov u b’xutt angolat ra lil Kroat jilqa’ tajjeb.
Gżira marru viċin fit-80 minuta meta Jefferson De Assis ħarab max-xellug u tefa’ kross fil-baxx li sab lil Steve Pisani li prova mill-ewwel iżda sab lil Sylla attent li laqa tajjeb biex żamm l-iskor indaqs. Fit-88 minuta s-sostitiut Enzo Cabrera għal Birkirkara seraq ballun minn saqajn Cosic f’tarf il-kaxxa u wara li avvanza bih prova xutt fil-baxx li għadda minn taħt Zarkov iżda b’fortuna għal Maroons kien Luke Tabone li tajjar fil-ħin minn fuq il-linja. L-iskor baqa’ ma nbidilx sat-tisfira finali biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
