Internazzjonali

Il-ħoss simboliku tal-Big Ben jirritorna f’Londra wara xogħol estensiv ta’ restawr

Wara ħames snin ta’ xogħol ta’ restawr, il-qniepen tal-Elizabeth Tower – inkluż il-Big Ben – qed jerġgħu lura għas-servizz regolari.

Il-Big Ben se jindaqq 11 -il darba fil-11 ta’ filgħodu għada l-Ħadd, għal Remembrance Sunday, biex jimmarka l-bidu ta’ żewġ minuti silenzju. 

L-Elizabeth Tower, l-arloġġ u l-mekkaniżmu tal-qanpiena ġew miksija bi scaffolding matul l-aħħar ħames snin, filwaqt li għaddew mill-akbar xogħol ta’ tiswija u konservazzjoni fl-istorja.

Dan kien l-itwal silenzju fil-163 sena ta’ storja tal-Big Ben. Il-qniepen u l-idejn tal-arloġġ twaqqfu biss ftit drabi – meta għamlet ħafna kesħa u borra, u għal xi żmien qasir ta’ tiswijiet u manutenzjoni.

Sa mill-2017 il-Big Ben kien f’silenzju assolut ħlief meta, b’mekkaniżmu ta’ sostituzzjoni, daqq lejlet l-Ewwel tas-Sena, biex immarka Brexit u f’Settembru li għadda, waqt il-funeral tar-Reġina Eliżabetta II, meta daqq 96 darba, darba kull minuta, għal kull sena tal-ħajja tagħha.

Issa, għall-ewwel darba f’ħames snin, il-Big Ben se jkun qed jaħdem  bil-mekkaniżmu komplut u oriġinali tiegħu, ta’ żmien Vittorjan.  Għalhekk dan huwa mument sinifikanti fil-konservazzjoni ta’ dan l-arloġġ mill-isbaħ.

Tags