Ambjent Lokali

“Ir-ras iebsa tal-Gvern qed tipperikola l-futur tal-qasam agrikolu” – PN

Ritratt: Martin Agius

Bl-insistenza tiegħu li ma jtejjibx il-Liġi proposta li tirregola l-Liġi tal-Qbiela, il-Gvern qed jassigura li dan is-settur jirċievi daqqa oħra li kapaċi tkun waħda mortali għal ħafna bdiewa.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina, mill-Kelliem għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur Rebekah Borg u mill-Whip u Segretarju tal-Grupp Parlamentari u Kelliem għas-Self Employed u l-Intrapriżi ż-Żgħar Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista saħaq li bħala parti mill-ħidma tiegħu dwar din il-kwistjoni, ressaq numru ta’ emendi għal din il-Liġi fil-Kumitat Parlamentari għall-Konsiderazzjoni tal-Liġijiet. Dawn l-emendi kienu mfasslin abbażi ta’ numru ta’ laqgħet ma’ bdiewa li se jkunu affettwati mit-tibdiliet miġjuba mil-Liġi, prinċiparjament miż-żieda fil-prezz tal-qbiela.

Il-Partit Nazzjonalista fehem il-bżonn li jkunu ssalvagwardjati d-drittijiet tas-sid, filwaqt li jkunu protetti l-bdiewa minn żidiet drastiċi fl-ispejjeż. Għaldaqstant, fassal emendi li jinkludu:

• skema ta’ għajnuna finanzjarja lil min tiżdiedlu l-qbiela;

• ridefinizzjoni ta’ raba’ billi ġew inklużi migbhiet, strutturi agrikoli, irziezet tal-annimali u strutturi relatati;

• aġġornament aktar ġust għall-mekkaniżmu li jiddefinixxi kif tigi evalwata art agrikola billi jkun inkluż il-potenzjal ta’ dħul mill-użu agrikolu tar-raba’ mill-kerrej;

• protezzjoni għal min għandu razzett inkluż fir-raba’ li jużah ukoll għal skopijiet agrikoli barra dak residenzjali.

Minkejja dawn l-emendi li jħarsu l-bżonnijiet ta’ kulħadd, matul l-aħħar sessjoni tal-Kumitat Parlamentari għall-Konsiderazzjoni tal-Liġijiet, il-Gvern ma aċċettax dawn it-tibdiliet u allura l-Liġi li ressaq hu, baqgħet bl-istess difetti u problemi.

Dan hu eżempju ieħor ta’ kif l-arroganza tal-Gvern tagħmih milli jagħmel dak meħtieġ għall-ġid komuni, bil-konsegwenza li f’dan il-każ, qed jipperikola l-ġejjieni ta’ qasam fundamentali għall-għajxien f’pajjiżna: l-agrikoltura.