Tony Abela kien bniedem ġust li matul ħajtu għamel ħafna ġid hekk kif dejjem ra kif se jgħin lil kulħadd.
Hekk kien deskritt l-eks Segretarju Parlamentari Nazzjonalista Tony Abela meta s-Sibt filgħodu ingħata l-aħħar tislima fil-Knisja ta’ San Duminku u l-Verġni Mbierka tar-Rabat.. knisja li kienet ippakkjata bin-nies li selmitlu għall-aħħar darba

Tony Abela kien bniedem ikona fil-lokalita tar-Rabat kif jixhdu t-toroq tar-Rabat li kienu mimlijin nies sabiex jagħtuh l-aħħar tislima.
Waqt l-omelija Patri Marcellino ddeskriva lil Tony bħala bniedem ġeneruż li matul ħajtu għamel ħafna ġid. Huwa qal li d-dgħufija ta’ tiegħu kienet li dejjem jaħseb f’kulħadd filwaqt li jinsa lilu nnifsu.

Matul ħajtu Tony Abela dejjem wera lealta’ kbira lejn kulħadd…anke lejn dawk in-nies li kienu għamlulu l-ħsara għaliex Alla għallmu fuq l-iskola tal-maħfra u tal-fidi li kienet importanti ferm għalih.
Patri Marcellino aċċena li Abela dejjem kien isib ħin għall-familja tiegħu minkejja l-impenji kollha li kellu.. fejn ir-rabta mal-familja minn dejjem kienet b’saħħitha. Turija ċara ta’ dan kien l-imħabba li kellu lejn martu Myra u t-tliet uliedu.
Prezenti għall-funeral kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-Viċi Kap Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, kif ukoll diversi deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti u membri distinti oħra li ħadmu ma’ Tony Abela matul is-snin.
Wara l-funeral, sar Korteo madwar diversi toroq tar-Rabat fejn l-ewwel waqfa kienet propju fil-Pjazza ta’ San Pawl fejn kien milqugħ mit-tim tar-Rabat Ajax li poġġew bandiera fuq it-tebut tiegħu.

Wara, il-Korteo għamel waqfa quddiem l-Uffiċju ta’ Tony Abela li kien ffrekwentat minn bosta Rabtin li matul ħajjithom għamlu użu mis-servizz tiegħu.
Ftit tal-ħin wara l-Korteo waqaf quddiem il-Każin ta’ San Pawl fejn bandist mill-Banda tal-Konti Ruġġieru daqq requiem filwaqt li ġie ppreżentat bukkett fjuri.

Imbagħad saret waqfa quddiem il-Każin tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat fejn il-Kap Bernard Grech ippreżenta bukkett fjuri kif ukoll għadda l-kondoljanzi lill-qraba ta’ Tony Abela. Huwa kien akkumpanjat minn diversi Deputati Nazzjonalisti li mbagħad ingħaqdu mal-Korteo.
Ftit tal-ħin wara saret purċissjoni bit-tebut ta’ Tony Abela akkumpanjata mill-Banda L’Isle Adam kif ukoll ingħata salut bħala turija ta’ rispett għal Tony Abela.

It-tebut imbagħad waqaf quddiem il-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat u wara quddiem il-Każin ta’ L’Isle Adam.
Matul dan il-koreta spikka r-rispett kbir li bosta persuni kellhom lejn in-Nutar Tony Abela hekk kif f’kull waqfa, in-nies preżenti sellmulu permezz ta’ ċapċip. Il-korteo ġie fi tmiemu quddiem iċ-Ċimiterju tar-Rabat fejn saret difna privata fil-qabar tal-familja.