Lokali

“L-istatistika dwar in-numru ta’ inċidenti f’pajjiżna hija tebgħa kerha fuq in-nazzjon tagħna” – George Vella

L-istatistika dwar in-numru ta’ inċidenti f’pajjiżna hija tebgħa kerha fuq in-nazzjon tagħna għalhekk huwa kruċjali li tittieħed azzjoni immedjata sabiex jitnaqqas in-numru ta’ inċidenti li qed iseħħu fit-toroq Maltin.  

Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal il-President tar-Repubblika George Vella meta indirizza konferenza dwar l-inċidenti fit-toroq organizzata minn Doctors For Road Safety.

Filwaqt li rrikonoxxa l-ħidma li qed issir min-numru ta’ għaqdiet f’dan ir-rigward, fosthom mid-Doctors for Road Safety huwa qal li huwa evidenti li l-isforzi kollha li saru matul is-snin ma kinux biżżejjed sabiex jitnaqqas in-numru ta’ inċident li qed iseħħu fit-toroq Maltin.  

Dan hekk kif minkejja li pajjiżna għandu distanzi qosra, xorta waħda ta’ kuljum ikunu rappurtati numru ta’ inċidenti tat-traffiku… b’minnhom ikunu inċidenti fatali. Għalhekk enfasizza l-fatt li hemm bżonn li jinstabu mezzi alternattivi ta’ transport sabiex jitnqqas l-użu tal-karozzi privati. Dan għandu jsir billi jkun hemm diskussjoni dwar triq ‘il quddiem bi pjan iktar ħolistiku f’dan is-settur.

Il-President ta’ Malta tkellem ukoll dwar l-importanza li wieħed ikun responsabbli fis-sewqan dan fid-dawl tat-tibdil kulturali fost l-oħrajn fl-użu tal-mobile phones. Għalhekk huwa essenzjali li jinbidlu ċerti drawwieet fis-sewqan.

George Vella tenna l-importanza ta’ djalogu bejn il-partijiet kollha involuti fosthom il-Kunsill għas-Sigurta fit-Toroq Maltin, il-Pulizija, it-tobba u l-Ministeri responsabbli.

Fil-messaġġ tiegħu ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Sigurtà fit-toroq Maltin Pierre Vella kompla ma’ dak li qal il-President ta’ Malta fejn enfasizza il-ħtieġa li tititeħed azzzjoni immedjata hekk kif għad fadal ħafna ħidma x’issir f’dan ir-rigward.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet intqal li madwar id-dinja kollha f’sena waħda jitilfu ħajjithom madwar 1.35 miljun persuna f’inċidenti tat-traffiku. S’issa din is-sena f’Malta tilfu ħajjithom 24 persuna fit-toroq Maltin… waħda mill-iktar snin li matulhom mietu persuni f’inċidenti tat-traffiku.