Raġel ta’ 33 sena residenti l-Belt Valletta kien arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga, f’San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija permezz ta’ stqarrija qalu li s-Sibt filgħodu nnutaw movimenti suspettużi tar-raġel fi Triq il-Ħġejjeġ u ftit wara allegatament deher jgħaddi xi pakketti lil persuna oħra fi Triq Ġulju.
Kien hawn li r-raġel nduna bil-preżenza tal-Pulizija u ħarab jiġri minn fuq il-post, bil-pulizija tiġri warajh f’diversi toroq sakemm twaqqaf u ġie arrestat fi Triq iċ-Ċern.
Minn tfittxija li saret fuqu, instab fil-pussess ta’ 51 qartas b’sustanza bajda suspettata kokaina u 33 qartas b’sustanza kannella suspettata eroina.
Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella qiegħda tmexxi inkjesta. Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija il-Floriana, waqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
//= $special ?>