“Grazzi li għamiltni r-raġel li jgħin illum. Inwiegħedk, li se ngħixu fuq l-eżempju tiegħek”.
Hekk stqarr Sam Abela, it-tifel tal-eks Segretarju Parlamentati Tony Abela li illum se tingħatalu l-aħħar tislima fil-Knisja ta’ San Duminku fir-Rabat.
“Inħobbuk. Ibqa’ ħarisna”, kienu l-aħħar kelmiet li kiteb Sam Abela fil-messaġġ li ħalla fuq il-media soċjali.
In-nutar Tony Abela twieled fl-14 ta’ Jannar tal-1956. Hu kellu tliet itfal.
Abela serva bħala Segretarju Parlamentari bejn l-2003 u l-2008. F’dan il-perijodu hu kien responsabbli mill-ekonomija, u aktar tard mill-qasam tad-difiża.
Abela mhux biss kien nutar maħbub u personalità rispettata fir-Rabat, iżda wkoll bniedem li ta ħafna lill-komunità – inkluż lit-tim tal-futbol ta’ Rabat Ajax.
