Futbol Sport

Serie A: Juventus kontra Lazio l-iktar logħba mistennija

(Ritratt: EPA)

Fi tmiem il-ġimgħa fl-Italja tintlagħab il-ħmistax u l-aħħarġurnata għal din is-sena fis-Serie A.
Ġurnata b’diversi konfronti mill-iktar interessanti fejn tispikka Juventus kontra Lazio, żewġ timijiet li għaddejjin minn fażi ferm tajba fejn Lazio jinsabu fit-tieni post u Juventus li issa qabdu sew ir-ritmu u jinsabu fir-raba’ post.

Il-leaders Napoli mhux mistennija li jfallu meta jospitaw lil Udinese fejn Napoli b’rebħa jżommu tal-inqas it-tmien punti vantaġġ li għandhom fuq l-eqreb rivali Lazio u Milan.
Iċ-champions Milan jospitaw f’San Siro lil Fiorentina logħba li tista’ toħloq diversi problemi għat-tim ta’ Stefano Pioli li fl-aħħar ħarġiet kellu serje ta’ wirjiet u riżultati deludenti.

Logħba oħra importanti hi dik ta’ għada bejn Atalanta u Inter, żewġ timijiet li ma jistgħux ifallu iktar punti. Atalanta kellhom telfa xejn mistennija kontra Lecce fost il-ġimgħa filwaqt li Inter wara t-telfa kontra Juventus ġew f’tagħhom meta skorjaw nofs tużżana kontra Bologna.

Fl-Olimpico ta’ Ruma, Roma jospitaw lil Torino, bit-tim ta’ Jose Mourinho taħt pressjoni wara t-telfa fid-derby kontra Lazio u d-draw kontra Sassuolo.

Il-ħmistax-il ġurnata fetħet ilbieraħ b’logħba minn naħa t’isfel bejn Empoli u Cremonese, bit-Toscani joħorġu rebbieħa 2-0 b’gowls fit-tieni taqsima ta’ Cambiaghgi u Parisi.