Futbol Sport

Tkompli l-mixja mpressjonanti ta’ Napoli

Il-leaders tas-Serie A Napoli komplew bil-mixja mpressjonanti tagħhom meta kisbu l-11-il rebħa konsekuttiva kontra Udinese 3-2. Issa Napoli fetħu vantaġġ ta’ 11-il punt fuq l-eqreb rivali tagħhom Lazio u Milan biċ-champions renjanti jospitaw lil Fiorentina il-Ħadd u filgħaxija Lazio jkunu barra minn darhom kontra Juventus fl-iktar logħba mistennija ta’ dan il-programm ta’ qabel it-Tazza tad-Dinja.

Napoli dehru f’kontroll assolut kontra Udinese u wara żewġ gowls kmieni żiedu ieħor wara l-intervall iżda Udinese ħolqu xi ftit tal-problemi għall-Partenopei meta skorjaw darbtejn fi spazju ta’ ftit minuti. Wara kwarta logħob kien l-attakkant prolifiku Osimhen li fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras minn kross ta’ Elmas u fil-31 minuta l-iskor sar 2-0 meta Zielinski skorja ġmiel ta’ gowl b’xutt mid-distanza. Fit-58 minuta il-logħba dehret mirbuħa u mitlufa meta Elmas skorja mill-viċin wara azzjoni ma’ Anguissa. Iżda kien għad baqa’ għaliex fid-79 minuta Nestorovski naqqas l-iskor għal Udinese u tliet minuti wara Samardzic ħasad lil Meret b’xutt minn barra l-kaxxa. Minkejja dan ix-xokk doppju it-tim ta’ Spalletti għaraf jikkontrolla lill-avversarji biex kiseb rebħa oħra f’din il-kullana ta’ suċċessi.

F’logħba minn naħa t’isfel tal-klassifika Lecce komplew ikabbru l-problemi ta’ Sampdoria meta fi Stadio Marassi għelbu lil Sampdoria b’gowl f’kull taqsima. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima kien iż-żagħżugħ ta’ Milan misluf għand Lecce Colombo li fetaħ l-iskor għal Lecce u seba’ minuti mit-tmiem kien Banda li għalaq il-logħba bit-tieni gowl wara pass ta’ Colombo. B’dan ir-riżultat Sampdoria baqgħu fil-post ta’ qabel l-aħħar fis-Serie A, fejn għandhom biss sitt punti punt iktar minn Hellas Verona li jinsabu fl-aħħar post. Għal Lecce dawn kienu tliet punti prezzjużi fejn issa Lecce telgħu f’post iktar trankwill fil-klassifika.

Intant fil-logħba li ntlagħbet filgħaxija Bologna wara t-telfa umiljanti kontra Inter pattew bil-kbir b’rebħa faċli ta’ 3-0 kontra Sassuolo b’gowls ta’ Aebischer, Arnautovic u Ferguson.

Il-Ħadd jintlagħbu l-logħbiet l-oħra minn din l-aħħar ġurnata tas-sena 2022, fejn minbarra l-logħbiet bejn Lazio u Juventus u Milan kontra Fiorentina, hemm żewġ konfronti oħra mistennija u li jistgħu joffru spettaklu.F’Bergamo Atalanta jospitaw lil Inter filwaqt li fi Stadio Olimpico Roma jilqgħu lil Torino.

Napoli 3-2 Udinese

Sampdoria 0-2 Lecce

Bologna 3-0 Sassuolo

Il-Ħadd:

12:30 Atalanta v Inter

15:00 AS Roma v Torino

15:00 Monza v Salernitana

15:00 Verona v Spezia

18:00 AC Milan v Fiorentina

20:45 Juventus v Lazio