Futbol Sport

Dominju minn Balzan iżda Mosta jieħdu t-tliet punti

(Ritratt: Martin Agius)

Rowen Camilleri

BALZAN………….1

MOSTA……………..2

Balzan: J. Debono, I. Bozovic, D. Torres, M. Grima (A. Bradshaw 84’), P. Fenech, A. Torres, M. Zlatkovic (B. Kaljevic 64’), S. Jalu (S. Arab 64’), A. Satariano, M. Raso (L. Mallia 84’), M. Nogureira (N. Braunovic 73’)

MostaI. Akpan, R. Briffa, C. Ememe (T. Farrugia 82’), P. Tenebe (N. Agius 67’), C. Failla, B. Diarra, J. Akrong (R. Ekani 67’), G. Acheampong (J. Nsumoh 67’), S. Kingue, J. Vassallo, Z. Brincat (V.Mbata 75’)

Skorjaw: C. Failla 9’pen, C. Ememe 80’ (M), M. Nogureira 46’ (B)

Imwissija: M. Raso 12’, S. Arab 76’, D. Torres 90’ (B), J. Akrong 26’, S. Kingue 35’, I. Akpan 38’ (M)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Roberto Vella u Mark Ciantar

BOV Plejer tal-Logħba: Angel Torres (Balzan)

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Angel Torres (Balzan)

Minkejja li Balzan iddominaw il-maġġor parti tal-konfront, kienu Mosta li ħadu t-tliet punti meta ħarġu rebbieħa 2-1. Il-Mostin marru minn fuq permezz ta’ penalty skorjat minn Clayton Failla biex ftit wara Balzan fallew iċ-ċans mill-11-il metru meta kien Satariano li tefa’ għoli. Balzan ġabu d-draw mal-ftuħ tal-ewwel taqsima u wara dan laqtu wkoll il-lasta darbtejn. Balzan pattew qares għaċ-ċansijiet mitlufa meta fit-80 minuta Mosta skorjaw il-gowl tar-rebħa biex issa telgħu fis-sitt post daqs Gudja United.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet minn Mosta wara seba’ minuti logħob meta l-free-kick ta’ Clayton Failla sab lil Zachary Brincat li b’daqqa ta’ ras impenja lil Jonathan Debono li b’save mill-isbaħ dawwar f’korner. Mill-istess azzjoni tal-korner Mosta ingħataw penalty wara li l-ballun wasal għand Christ Ememe li prova jaqbeż lil Nogureira fil-kaxxa, bil-Brażiljan deher iwaqqa lill-attakkant Mosti u b’Philip Farrugia mill-ewwel isaffar il-penalty. Mill-11-il metru jkun is-solitu CLAYTON FAILLA li b’xutt ċentrali għeleb lil Debono u fetaħ l-iskor favur Mosta.

Għaddew 20 minuta logħob u din id-darba kienu Balzan li kienu mogħtija penalty meta Angel Torres deher jitwaqqa minn Kingue fil-kaxxa. Imur fuq il-ballun Alex Satariano li għażel li jmur għas-saħħa iżda fortunatament għal Mosta x-xutt tal-internazzjonali Malti imur ferm għoli. Minuta wara Balzan lura fl-offensiva meta Nogureira minn mal-lemin għadda ballun lejn Marcus Grima li prova xutt fil-baxx u Akpan kien attent li dawwar f’korner. Ħames minuti wara l-istess żewġ plejers reġgħu kienu protagonisti meta minn kross ta’ Nogureira kien għal darb’oħra Marcus Grima li daħal tajjeb iżda x-xutt mill-ewwel tiegħu jgħaddi ftit barra. Minkejja li Balzan kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima l-isforzi tagħhom biex jiksbu l-gowl tad-draw kienu għal xejn biex daħlu jistrieħu fi żvantaġġ ta’ 1-0.

Dak li ma rnexxilhomx jagħmlu Balzan fl-ewwel taqsima damu biss 45 sekonda biex għamluh fit-tieni taqsima meta kien Angel Torres li qassam lejn MATHEUS NOGUREIRA li minn quddiem Akpan ma’ żbaljax biex ġab l-iskor għal darb’oħra f’parità. Fil-50 minuta Balzan viċin il-gowl tal-vantaġġ meta Satariano mix-xellug qassam fin-nofs lejn Angel Torres bil-konklużjoni tal-Kolombjan tkun imdawwra f’korner minn Akpan. Seba’ minuti wara Satariano jirċievi ballun fit-tul u wara li qabeż lil Akrong prova xutt minn tarf il-kaxxa li iżda kien milqugħ minn Akpan. Balzan baqgħu jattakkaw u reġa kien Angel Torres li dar tajjeb mad-difiża u minn tarf il-kaxxa prova xutt b’saħħtu li sfortunatament għalih stampa mal-mimduda. Fit-78 minuta Balzan reġgħu laqtu l-lasta permezz ta’ daqqa ta’ ras tas-sostitut Bojan Kaljevic minn kross ta’ Samir Arab.

Kontra x-xejra tal-logħob Mosta marru fil-vantaġġ fit-80 minuta. Kien free-kick mogħti minn Failla mix-xellug li dendel ballun fil-kaxxa ż-żgħira fejn sab lil CHRIST EMEME li għola fuq kullħadd u b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Debono. Mosta rnexxilhom iżommu dan il-vantaġġ biex l-iskor baqa 2-1 favur tagħhom sas-suffara finali tar-referee Philip Farrugia.

Christ Ememe jiskorja l-gowl tar-rebħa għal Mosta (Ritratt: Martin Agius)