Il-Kummissarju Angelo Gafà għandu f’idejh informazzjoni sensittiva li potenzjalment tkompli tixhed li kien hemm korruzzjoni fil-proġett tal-flyover tal-Marsa.
Dan wara li fl-aħħar jiem ġew ippreżentati lill-Kummissarju tal-Pulizija sensiela ta’ messaġġi ta’ Whatsapp bejn in-negozjant Yorgen Fenech u l-eks Mexxej ta’ Infrastructure Malta – Frederick Azzopardi li jindikaw li seħħ aġir korrott fil-proċess tat-tender tal-flyover tal-Marsa.
Allegatament hemm messaġġi li juru b’mod ċar l-illegalitajiet sfaċċati li kien hemm b’rabta ma’ dan il-proġett li laħħaq il-miljuni tal-ewro minn but il-poplu. Allegatament hemm ukoll evidenza li l-kumpanija Torka ta’ Robert Yildirim kienet diġà avżata minn ġimgħat qabel li se tieħu l-inkarigu tal-proġett…qabel ma kumpanija Torka oħra ħadet ir-responsabbiltà tiegħu.
E-mails li jmorru lura għall-2018 igiddbu d-dikjarazzjoni li l-kumpanija ta’ Yildirim daħlet fin-narrattiva wara għax l-ewwel kumpanija ma tatx riżultati…iżda allegatament juru li kollox kien ippjanat bizzilla sa minn qabel.
Dan kollu ġie ppreżentat lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà mill-Professur Arnold Cassola li insista li din l-evidenza ppreżentata turi l-illegalitajiet li kien hemm b’rabta mal-flyovers tal-Marsa.
Il-ġurnal MaltaToday talab għar-reazzjoni ta’ Frederick Azzopardi b’dan tal-aħħar jisħaq li Cassola…jew qed jiprova jtellef l-investigazzjonijiet jew qed itelfuh filwaqt li nsista li f’dak kollu li għamel dejjem ġab l-interessi tal-Gvern l-ewwel.
Minn naħa tal-Gvern tal-Labour, s’issa għadu ħadd ma ġie mitlub jew refa’ minn jeddu responsabbiltà politika…minkejja li l-evidenza ilha ħierġa matul l-aħħar ġimgħat dwar allegat korruzzjoni b’rabta mal-flyovers tal-Marsa.
//= $special ?>