Matthias Mizzi
GUDJA UNITED……0
FLORIANA…..……….3
Gudja U.: G. Zammit, V. Plut, J. Arthur, N. Micallef, K. Micallef, J. Bezzina (H. Vella 46’), N. Tabone (J.Mintoff 74’) , M. Muchardi, S. Da Mata (T. Nagamatsu 86’), N. Navarrete (A. Selemani 46’), F. Zuniga
Floriana: G. Kitanov, O. El Hasni, Z. Cassar (A. Magri Overend 65’), K. Reid (L. Trillo 77’), J. Arias (A.Ciolacu 65’), E. Fernando, O. Spiteri, L. De Grazia, E. Callegari, J. Busuttil (J. Scicluna 81’), A. Garzia (K. Nwoko 77’)
Imwissija: M. Muchardi 45+2’ (GUD), E. Fernando 59’ (FLR), N. Micallef 66’ (GUD), E. Callegari 78’ (FLR), N. Micallef 87’ (GUD), K. Micallef 88’ (GUD)
Imkeċċi: N. Micallef 87’ (GUD)
Skorjaw: A. Garzia 35’ (FLR), O. Spiteri 41’ (FLR), E. Callegari 76’ (FLR)
Referee: Andrea Sciriha
Assistenti Referees: Jurgen Spiteri & Vasil Vasilev
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: J. Busuttil (FLR)
BOV Plejer tal-Logħba: K. Reid (FLR)
Fi dwell bejn żewġ kowċis Taljani kienu Floriana li fil-ġurnata kienu l-aħjar tim fil-ground biex kisbu tliet punti li jarawhom jaqbżu lill-istess Gudja. Wara li kellhom bidu mill-aqwa għall-kampjonat, il-Gudjani qed isibuha ferm diffiċli li jerġgħu jsibu saqajhom meta mill-aħħar sitt konfronti huma rnexxielhom jirbħu biss darba, kontra Pietà Hotspurs. Fuq in-naħa l-oħra Floriana kisbu l-akbar rebħa s’issa tagħhom għal dan l-istaġun.
Ftuħ il-partita u Gudja mal-ewwel perikolużi b’xutt ta’ Nicolas Navarrete li ġie salvat tajjeb minn mal-art mill-goalkeeper Georgi Kitanov. Floriana kienu l-ewwel darba perikolużi fit-tnax-il minuta minn free-kick mid-distanza ta’ Keimar Reid. Gudja wieġbu b’kontrattakk ta’ Plut bil-konklużjoni tiegħu fil-baxx ġiet salvata u mdawra f’corner ieħor għall-Blues. Ftit wara n-nofsiegħa logħob Floriana kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor hekk kif xutt minn barra l-kaxxa ta’ Keimar Reid stampa mal-wieqfa bil-ballun inqala’ ‘l barra. It-tim immexxi minn Gianluca Atzori sarraf l-isforzi f’gowl wara li Jan Busuttil rebaħ il-ballun f’nofs il-ground, Keimar Reid avvanza tajjeb u b’passaġġ preċiż tefa’ liż-żagħżugħ Aleandro Garzia f’pożizzjoni ta’ gowl li b’xutt angolat għeleb għalkollox lil Zammit. Bil-logħob ixaqleb lejn naħa waħda, Floriana għamluhom tnejn b’xejn b’xutt mill-kaxxa ta’ żagħżugħ ieħor Owen Spiteri meta bi bravura r-referee Andrea Sciriha għaraf iħalli l-logħob għaddej minflok saffar għal penalty.
Bit-triq għat-telgħa għal Gudja, fit-tieni taqsima, proprju mal-58 minuta logħob huma kienu ferm viċin li jidħlu fil-logħba hekk kif xutt tas-sostitut Bienvenu Selemani ħabat mal-mimduda. Tnax-il minuta wara huma jerġgħu joħolqu l-periklu minn azzjoni veloċi ta’ Samuel Da Mata iżda jispara għoli. Kwarta mit-tmiem, Floriana għalqu l-partita bit-tielet gowl wara li d-difensur Emiliano Callegari ħataf l-opportunità minn żball ta’ Zammit u b’kalma qabbeż il-ballun minn fuqu. Għal dan il-gowl, Gudja jipprotestaw li Zammit ma tħalliex jilgħab il-ballun minn ġol-kaxxa. Il-protesti tagħhom kienu inutli biex il-partita ntemmet fl-iskor ta’ 3-0 għall-Greens.