Lokali

Illum ġie fi tmiemu l-programm STEP

“Tħallu l-ebda prattika politika tgħaddi mingħajr ma tesprimu l-opinjonijiet għall-ġid ta’ ħaddieħor.”

Kien b’dan il-kliem li l-Viċi Kap tal-PN, Alex Perici Calascione għalaq il-programm STEP organizzat mill-AŻAD – programm li offra lil dawk li attendew taħriġ sistematiku għall-politika effettiva.

L-għan aħħari wara dawn it-tlett ijiem kien l-iżvilupp tal-għarfien u ħiliet politiċi u soċjali kif ukoll taħriġ għal dawk kollha li qed juru x-xewqa li fil-futur jissieħbu bħala kandidati elettorali, persuni li huma interessati fl-attiviżmu politiku jew għal kwalunkwe parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika…inkluz wara l-kwinti.

Net News tkellem ma’ Alex Perici Calascione li ħeġġeġ biex kull persuna tagħmel l-ewwel pass fil-politika għall-ġid ta’ pajjiżna.

“Kull partit politiku għandu jgħaraf il-bżonnijiet li għandu l-pajjiż,” qal Perici Calascione. “Għandna bżonn politiċi b’entużjażmu u kompetenza. Iżda fl-aħħar mill-aħħar dawn għandhom iżommu quddiem għajnejhom l-iskop aħħari ta’ kull politiku. U dan hu li dak li jagħmel u li jgħid, dejjem jiftakru li għandhom iġġibu ‘il quddiem u jtejbu l-ħajja tan-nies ta’ madwarhom.”

Fix-xhur li ġejjin, STEP se jkompli joffri workshops varjati minn diversi persuni esperti fis-suġġetti.