Lokali

Illum niċċelebraw il-festa ta’ San Martin

Ġewż, lewż, qastan, tin, kemm inħobbu lil San Martin.

Din hi waħda mill-kanzunetti li jkantaw it-tfal fil-festa ta’ San Martin… iżda x’inhuma l-iktar affarijiet assoċjati ma’ din il-festa li t-tfal iħobbu?

Bla dubju li fuq fommha l-borża ta’ San Martin.

Mijiet ta’ persuni reħewlha lejn dan ir-raħal għall-fiera li ssir ta’ kull sena f’dawn il-jiem.

U ma jistax jonqos li wieħed jassoċja din il-festa mal-qastan li għal sena oħra kien iċ-ċentru tal-attivitajiet li saru biswit il-Knisja fil-lokalità tal-Baħrija.

Iċ-Chairmain tal-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi, Zane Borg qalilna iktar dwar dan il-proċess sakemm eventwalment jinbiegħ lil dawk preżenti.

“L-ewwel, il-qastan isirlu forma ta’ salib ħalli dan meta jsir jinqasam,” qal Borg. “Qabel ma dan jiġi msajjar inxarbuh ħalli jirtab ftit. Imbagħad jintefa’ fuq in-nar u jiżdied miegħu l-melħ. Kif isir niġbruh u nitfawh fil-boroż skont il-qis.”

Fil-fiera, wieħed seta’ jsib ukoll ikel tradizzjonali, bil-maġġoranza magħmul minn ikel magħruf għal dan il-jum, bħas-soppa tal-qastan u l-imbuljuta.