L-awtoritajiet Torok qed jissuspettaw li mara suwiċida kkaġunat wied tad-dmija wara li tajjret l-isplussivi li kienet qed iġġorr fuqha hi u għaddejja mill-aktar zona attiva fiċ-ċentru kummerċjali ta’ Istanbul.
Fl-isplużjoni mietu talanqas seba’ b’aktar minn 80 jindarbu – uħud minnhom kritikament.
Il-vittmi tal-attakk mistennija jiżdiedu matul il-lejl iżda waqt li l-indikazzjonijiet kollha qegħdin juru attakk terroristiku, l-ebda grupp ma ħareġ jassumi responsabbiltà għal din l-azzjoni brutali.
Il-belt ta’ Istanbul, fit-Turkija, inħakmet mill-paniku dritt wara l-isplużjoni fiċ-ċentru kummerċjali li kien ippakkjat bin-nies u li hu magħruf ukoll bħala ċentru turistiku.
L-awtoritajiet f’Istanbul bħalissa qegħdin jieħdu ħsieb operazzjoni kbira ta’ emerġenza, bl-iskwadri għall-‘first response’, flimkien mal-ambulanzi, jinsabu skjerati madwar il-post tal-isplużjoni fost il-preżenza kbira tal-pulizija fl-inħawi.
L-impatt tal-isplużjoni nħass l-aktar fiz-zoni favoriti max-xerrejja fi Pjazza Taksim u bil-kaos jinqabad fuq il-videos tal-post kif ukoll fuq it-telefons ċellulari tan-nies li nzertaw fil-viċinanzi.
Intant, ingħalqu l-aċċessi kollha għaz-zona kummerċjali waqt li l-pulizija u l-esperti forensiċi Torok qed ikomplu bl-investigazzjonijiet.
L-istess inħawi ta’ Istanbul, fl-2016, kienu wkoll spiċċaw il-mira ta’ aggressur suwiċida.
//= $special ?>