Id-Demokratiċi se jżommu l-kontroll tas-Senat wara li rebaħ l-istat importanti tan-Nevada. Dan ir-riżultat huwa l-aqwa wieħed ta’ nofs il-mandat fl-aħħar 20 sena.
Dan ifisser li s’issa id-Demokratiċi għandhom 50 siġġu fis-Senat filwaqt li r-Repubblikani għandhom 49 siġġu.
Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li jinsab sodisfatt ħafna b’dan ir-riżultat u li issa wasal iż-żmien sabiex ir-Repubblikani jiddentifikaw l-għanijiet tagħhom. Huwa saħaq li dan ir-riżultat jirrifletti l-kwalita’ tal-kandidati Demokratiċi.
Is-siġġu li baqa’ huwa dak tal-istat ta’ Georgia fejn l-elezzjoni se ssir f’Diċembru.
Intant, l-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump f’post fuq il-midja soċjali tiegħu qal li d-Demokratiċi qed jkomplu jsibu voti mill-Istati ta’ Arizona u Nevada sabiex jassiguraw rebħa. Huwa rrimarka li din hija diżgrazzja kbira li dan il-pajjiż qed iħalli xi ħaġa bħal din iseħħ. Barra minn hekk, għadu mistenni li Trump jħabbar il-Presidenza tiegħu għall-elezzjoni tal-2024.
Minn naħa l-oħra, ir-Repubblikani għadhom fiċ-ċans li jieħdu kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
//= $special ?>