Malta ingħaqdet mal-kumplament tad-dinja fit-tislima li ingħatat lill-vittmi tal-gwerra. Dan hekk kif il-pajjiżi tal-Commonwealth, inkluż pajjiżna, iċċelebraw ‘Jum it-Tifkira’.
Għal din l-okkażjoni ġiet konċelebrata quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, immexxija mill-Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna.
Qabel il-quddiesa, il-President ta’ Malta George Vella spezzjona l-Gwardja tal-Unur mill-Forzi Armati ta’ Malta, bis-sehem tal-Banda tal-Forzi Armati.
Waqt l-omelija l-Monsinjur Charles Scicluna qal li matul ħajtu Ġesu’ wkoll kien vittma ta’ inġustizzja iżda qal li jekk wieħed jagħżel is-sewwa m’għandux jintilef. Barra minn hekk, huwa tkellem fuq iż-żgħażagħ li qed jipprotestaw kontra l-Gwerra barra minn xtutna fejn il-mexxejja dittatorjali jgħidulhom; “Inti trid il-paċi? Nibgħatek għal qatla.” Huwa saħaq li din hija sitwazzjoni traġika għad-dinja tagħna.


Il-Monsinjur Charles Scicluna qal li meta jkollu l-opportunita’ li jżur ċimiterji tal-vittmi tal-Gwerra u jara tant suldati ta’ eta’ żgħira midfuna huwa jsaqsi għalfejn dawn iċċaħdu mill-potenzjal li jkunu ġenituri kif ukoll li jgawdu l-ħajja.
Huwa fakkar li f’dan il-jum kulħadd għandu japrezza l-fatt li l-pajjiż ibbenefika mis-sagrifiċċi ta’ ħaddiehor sabiex il-ġenerazzjoniiet t’issa jkunu jistgħu jgħixu ħajja tajba.
Wara l-quddiesa, segwiet iċ-ċerimonja ta’ tifkira ħdejn il-Monument tal-Gwerra, fil-Furjana, fejn tqiegħdu kuruni tal-fjuri mal-Monument tal-Gwerra mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u persuni distinti oħra.
F’isem il-PN, tpoġġiet kuruna mill-whip Nazzjonalista Robert Cutajar.
Il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra ffurmaw flimkien Gwardja tal-Unur għal matul iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-kuruni.

