Numru ta’ influencers ingħaqdu flimkien biex iwasslu messaġġ dwar l-importanza tal-kuntentizza, għal ħajja iktar sana fost il-Maltin.
Fl-aħħar jiem, l-Aġenzija Sedqa nediet kampanja fuq il-midja soċjali biex jinħoloq iżjed għarfien dwar dan.
Fost dawn il-personalitajiet hemm l-istilisti Charles & Ron, Tamara Webb u Samira Axiaq, li ġew magħżula biex ixerrdu messaġġ ta’ għarfien fuq il-midja soċjali tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti spjega ma’ Net News kif wieħed għandu jitlob għall-għajnuna, jimmira għal saħħa mentali pożittiva u li wieħed ikollu skop jew viżjoni fil-ħajja.
“Aħna rridu lin-nies ikunu kuntenti,” qal Grixti. “Iżda rriduhom li jkunu kuntenti b’mod pożittiv u l-kuntentizza jsibuha f’affarijiet li verament iħobbu u mhux fl-abbużi u l-vizzji. “
Din il-kampanja twassal ukoll messaġġi pożittivi oħra li jinkludu l-importanza li wieħed isib bilanċ fil-ħajja, u l-importanza li dak li jkun ikollu appoġġ pożittiv li joffri sens ta’ appartenenza.
Xi ħaġa li tikkontribwixxi għall-kuntentizza hija li l-persuna ssib skop jew sens fil-ħajja għaliex li wieħed ikollu skop fil-ħajja, jimmotivana biex nibnu l-ħajja li rridu u nilħqu l-għanijiet tagħna.