Fi Craven Cottage
Fulham v Manchester United 1-2
Manchester United kisbu rebħa mill-aktar diffiċli fuq Fulham fi Craven Cottage, bl-eroj tar-Red Devils ikun is-sostitut żgħażugħ Alejandro Garnacho li rnexxielu jikseb il-gowl importanti fit-93 minuti…sekondi biss qabel it-tisfira finali. Din kienet l-aħħar logħba għar-Red Devils u l-Cottagers qabel il-logħob tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar u ż-żewġ tims servew spettaklu ta’ futbol veloċi u aggressiv li żamm lill-partitarji fi Craven Cottage fuq ix-xwiek tul il-logħba.
Fulham ħarġu aggressivi iżda kienu United li ħolqu l-aħjar ċansijiet, b’Rashford u Martial ikunu ferm perikolużi fuq quddiem — u b’Willian u Carlos Vinicius ( li kien qed jilgħab minflok il-prolifiku Aleksander Mitrovic) ukoll jimpenjaw sew lid-difiża tar-Red Devils. L-ewwel żblokk fil-logħba wasal fl-14-il minuta, meta, minn fast break ta’ Malacia u Bruno Fernandes, Christian Eriksen wasal fil-post eżatt biex jilħaq il-pass tal-Portugiż u jixħet ġewwa mill-viċin għall-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ United. Qabel il-mistrieħ reġa’ kien Eriksen li mar qrib ħafna t-2-0 b’xutt bix-xellug li għadda jħakkek mal-mimduda. Iżda fit-tieni taqsima, Fulham bdew jagħfsu sew lid-difiża ta’ United, b’David de Gea iwettaq żewġ saves stupendi fuq ix-xutt bid-dawwra ta’ Carlos Vinicius u d-daqqa ta’ ras qawwija tad-difensur Tim Ream.
Il-kowċ tal-Cottagers, Marco Silva imbagħad daħħal jilgħab lil Dan James, bis-sostitut – eks plejer ta’ Man Utd – idawwar il-konfront żewġ minuti wara meta daħal għall-kross baxx ta’ Tom Cairney biex jegħleb lil de Gea. L-attakki ta’ Fulham saru aktar intensivi, b’United jippruvaw jorganizzaw ruħhom mill-ġdid huma u jbiegħdu l-perikli kontinwi mill-wingers ta’ Fulham li bdew isibu l-ispazji biex joħolqu l-opportunitajiet għall-attakkanti. Madankollu, l-aħħar kelma kellha tkun ta’ United – jew aħjar ta’ Garnacho – bl-adolexxenti Arġentin mill-ġdid ikun ‘il-bniedem tal-mument’ meta, wara ħarba veloċi bejn żewġ difensuri, skorja b’xutt fil-baxx li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Leno. Dan fil-fatt kien l-aħħar xutt tal-logħba li sewa mitqlu deheb għar-Red Devils li issa jinsabu tliet punti wara t-tim (Tottenham Hotspur ) fir-raba’ post tal-klassifika — u meta huma lagħbu logħba anqas mit-tim ta’ Antonio Conte.
F’Amex Stadium
Brighton v Aston Villa 1-2
Aston Villa għelbu lil Brighton and Hove Albion barra minn darhom minkejja li huma kienu sofrew l-aktar gowl veloċi waqt logħba tal-league mill-bidu tal-istaġun. Il-gowl wasal mertu ta’ Alexis MacAllister, wara biss 49 sekonda, u wara li hu kien seraq il-ballun lil Douglas Luiz li sab ruħu f’diffikultà wara l-pass ħażin tal-gowlkiper Emiliano Martinez. Iżda Villa qed jidhru tim mibdul taħt il-manager ġdid Unai Emery u fl-20 minuta huma kisbu parità meta Lewis Dunk wettaq fawl fuq John McGinn fil-kaxxa – b’Danny Ings ma jiżbaljax il-penalty għall-1-1.
Il-Villains komplew joħolqu l-problemi għal Brighton u fit-tieni taqsima, Douglas Luiz patta għall-iżball preċedenti meta rebaħ dwell għall-ballun ma’ MacAllister u provda assist lil Ings (54) li, bil-kalma kollha, skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Ir-reazzjoni ta’ Brighton, fil-fatt, kienet fjakka u Villa setgħu jikkontrollaw ir-riżultat mingħajr wisq affann biex b’hekk pattew għall-eliminazzjoni ta’ nofs il-ġimgħa ma’ Manchester United fil-Carabao Cup. B’dan ir-riżultat Brighton niżlu fis-seba’ post tal-klassifika waqt li Villa telgħu t-tnax – b’vantaġġ ta’ ħames punti fuq Nottingham Forest li jinsabu t-tielet mill-aħħar. Il-Premier League Ingliż issa se jieqaf għal sitt ġimgħat minħabba t-Tazza tad-Dinja li tibda fl-20 ta’ Diċembru u meta ma hemm l-ebda konfronti domestiċi relatati mal-ogħla diviżjoni qabel is-26 ta’ Diċembru – jew aħjar il-programm tradizzjonali ta’ Boxing Day.
//= $special ?>