Daqqa oħra għall-Korp tal-Pulizija hekk kif din il-ġimgħa rriżenjat id-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo, wara sena u nofs biss f’din il-kariga.
Net News jinsab f’pożizzjoni li jikkonferma din ir-riżenja, filwaqt li internament diġa’ inħarġet sejħa biex jimtela’ dan il-post battal għat-tieni l-ogħla kariga fil-Korp.
Il-Korp tal-Pulizija għadu ma qal xejn dwar din ir-riżenja, b’sorsi mid-Depot jindikawlna li din qed titqies bħala problema sinifikanti għall-Kummissarju Angelo Gafa’ – li qed jidher dgħajjef fil-mod kif imexxi.

Ir-riżenja ta’ Alexandra Mamo mill-Korp tal-Pulizija mhix każ iżolat wara li fl-aħħar ġimgħat irriżenjaw ukoll Frank Anthony Tabone, is-Supretendent li kien imexxi t-Taqsima ta’ kontra l-Ħasil tal-Flus u Anthony Scerri li kien fl-FCID.
Dawn ir-riżenja kollha, apparti l-pressjoni fuq il-Kummissarju nnifsu, qed jerġgħu jitfgħu l-attenzjoni mill-ġdid fuq il-Ministru Byron Camilleri li kien wiegħed stabbiltà fil-mod kif jaħdem il-Korp tal-Pulizija. L-istess Camilleri kien fl-attenzjoni pubblika f’dawn il-jiem wara t-taħwid kbir fil-Awtorità li tirregola l-użu tal-kannabis; fejn ġie żvelat li għal 10 xhur sħaħ din l-entità li taqa’ direttament taħt il-Ministru tal-Intern tħalliet bla flus u mingħajr riżorsi biex taħdem.
//= $special ?>