Sport

Volleyball: Iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn Depiro Volleyball u Fleur-de-Lys

Depiro Sports Club iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-club ta’ Fleur-de-Lys fejn ser ikun ta’ għajnuna biex tiġi żvillupata s-sezzjoni ta’ Depiro Volleyball. Dan il-ftehim se jkun qed joffri assistenza teknika u jgħin fil-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħitha permezz tal-logħba sabiħa tal-Volleyball.

Ruben Baldacchino, Kap Eżekkutiv ta’ Depiro Sports Club qal li l-klabb minn dejjem kien post addattat għal dawk li riedu jippratikaw sport differenti u wara s-suċċess fil-Ġinnastika u l-Basketball bi pjaċir iħabbar li issa l-klabb se jkun qed jifforma wkoll it-tim tal-Volleyball.

Dan il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarja Ġenerali ta’ Depiro Sports Club Marthese Attard u mill-President ta’ Fluer-de-Lys Charles Gauci. Depiro Volleyball se jkunu qed jipparteċipaw fil-kampjonat femminili ta’ taħt il-ħmistax-il sena fi ħdan l-assoċjazzjoni tal-Volleyball Malti.

Marthese Attard qalet li l-għan tal-klabb hu li jżid l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-isport u li hemm il-ħsieb li tiżdied sezzjoni oħra ta’ taħt it-13-il sena kemm fis-subien u kemm fil-bniet. Hija kompliet tgħid li l-isport hu mod ta’ kif tgħix ħajja sana u ta’ kif titgħallem ħiliet bħal li taħdem ġo tim, ma’ taqtax qalbek meta jiġu diffikultajiet u aktar.

Is-Sur Charles Gauci enfasizza l-importanza ta’ ftehim ta’ din ix-xorta, fejn qal li Fleur-de-Lys jinsabu kuntenti ħafna li qed joffru l-għarfien tagħhom biex tissaħħaħ u tikber il-logħba tal-Volleyball. Huwa qal ukoll li Depiro Sports Club hu isem sinonimu mal-poplu Malti fejn jidħol l-isport u jemmen li hemm il-potenzjal biex din il-kollaborazzjoni tkun waħda ta’ suċċess.

Depiro Volleyball qed jimmiraw biex fis-snin li ġejjin ikunu qed jikkompetu fil-kompetizzjonijiet kollha fi ħdan il Malta Volleyball Association.