Futbol Sport

Challenge League: Tarxien Rainbows isalvaw punt fl-aħħar minuta kontra Sliema Wanderers

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Fi tmiem din il-ġimgħa intlagħbet il-ħdax-il ġurnata mill-kampjonat Challenge League fejn anke din id-diviżjoni kienet milquta minn logħob li ġie pospost minħabba l-maltemp.

Fil-logħba li nltagħabet il-Ġimgħa, Marsaskala rebħu l-konfront dirett minn naħa t’isfel tal-klassifika meta rebħu lil Vittorisa Stars 2-1. Il-goals kollha ġew skurjati fl-ewwel taqsima. Adrian Carabott fetaħ l-iskor għal Marsaskala fit-23 minuta biex minuta wara Osmar Britto ġab l-iskor indaqs. Marsaskala marru minn fuq fit-30 minuta minn Winchester biex dan l-iskor baqa’ sa tmiem il-partita.

Fl-unika logħba milgħuba s-Sibt, Żurrieq dawru telfa f’rebħa wara li Marsa marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita. Il-ġappuniż Teppei Iida reġa kien l-iskorer għat-tim ta’ Marsa fit-tielet logħba konsekuttiva meta fir-raba’ minuta poġġa lit-tim immexxi minn Ivan Casha fil-vantaġġ. It-tim ta’ Żurrieq ġab l-iskor indaqs fis-36 miunta permezz ta’ Andrea Azzopardi, biex goals fit-tieni taqsima skurjati minn Florencio fit-48 minuta u Akingboye għaxar minuti wara rispettivament taw rebħa lil Żurrieq.

Il-Ħadd intlgħabu ħames logħbiet fil-grawnds tal-Victor Tedesco u Centenary. Tarxien Rainbows salvaw punt fid-90 minuta meta Matthew Tabone għeleb lil Rashed Al Tumi wara li Lydon Micallef poġġa lil Sliema fil-vantaġġ fil-61 minuta.

St. Andrews minn naħa tagħhom għeblu lil Mtarfa b’żewġ goals kull taqsima. St. Andrews marru żewġ goals vantaġġ f’temp ta’ żewġ minuti meta Ian Azzopardi fetaħ l-iskor fid-disa’ minuta filwaqt li Alan Borg Olivier irdoppja minuta wara. Fit-tieni taqsima St. Andews aċċertaw mit-tlett punti b’żewġ goals oħra minn Luka Mijiċ fit-48 minuta u t-tieni goal personali ta’ Borg Olivier fil-55 minuta.

Naxxar Lions għelbu l-isfida li offrew San Ġwann b’goal waħdieni skorjat minn Neil Pace Coks fl-għaxar minuta. B’din ir-rebħa Naxxar telgħu momentrarjament fit-tieni post, tliet punti taħt Sliema W.

Il-logħba Swieqi kontra Qrendi produċiet goal kull taqsima għal parità ta’ 1-1 fejn b’dan il-punt Qrendi telgħu jaqsmu l-aħħar post flimkien ma’ Vittoriosa u Mqabba. Qrendi marru fil-vantaġġ minn Claudio Antunes fis-27 minuta filwaqt li Magri Overend ġab l-iskor indaqs fis-76 minuta.

Fl-aħħar logħba Fgura United u Attard kellhom jikkuntentaw b’punt kull wieħed meta l-logħba intemmet 0-0. Fgura temmew din il-partita b’għaxar players meta tkeċċa l-goaler Julian Azzopardi fit-82 minuta.

Intant il-logħob li kien pospost nhar is-Sibt se jintlgħab kif ġej:

It-Tnejn 14 ta’ Novembru fid-21:00 – Centenary Stadium

Lija Athletic v Żejtun Corinthians

Il-Ħadd 27 ta’ Novembru fis-13:00 – Centenary Stadium

Melita v Mqabba