Lokali Saħħa

“Dak li ma jridx jagħmel il-Gvern se nagħmluh aħna” – PN

“Għandu jitwaqqaf working group Parlamentari li jiddiskuti d-dijabete sabiex dak li ma jridx jagħmel il-Gvern nagħmluh aħna.”

Dan kien il-messaġġ li twassal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputati Nazzjonalista Claudette Buttigieg u Ian Vassallo.

Id-Deputat Claudette Buttigieg saħqet li l-Gvern wiegħed ħafna affarjiet lis-settur tas-saħħa li l-maġġoranza tagħhom lanqas biss issemmew fil-Budget għal 2023. Dawn jinkludu investiment fir-riżorsi umani sabiex jispeċjalizzaw fuq il-kura tad-dijabete kif ukoll programm għal aktar għarfien dwar il-kundizzjoni tad-dijabete.

Ritratti: Matthew Tabone

Hija qalet li jeħteġ li jkun indirizzat l-fatt li din hija problema serjissima u għalhekk wara li l-Gvern irrifjuta diversi drabi li jkun iffurmat sotto kumitat tas-saħħa se jiffurmaw working group parlametari sabiex ikun hawn aktar għarfien fuq il-kundizzjoni tad-dijabete sabiex titjieb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies. Hija saħqet li din għandha tkun prijorita’ għall-Gvern.

Minn naħa tiegħu d-Deputat Ian Vassallo qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex jassigura li jkun hawn aktar investiment fis-settur tas-saħħa. Huwa aċċena għall-fatt li b’mod immedjat hemm bżonn li jsir screening sabiex ikunu evitati kumplikazzjonijiet mid-dijabete fosthom amputazzjonijiet tas-sieq.

Ritratti: Matthew Tabone

Barra minn hekk, id-Deputat Ian Vassallo qal li bħalissa hawn diversi mediċini tad-dijabete li huma out of stock kif ukoll nuqqas kbir ta’ ħaddiema f’dan is-settur. Huwa appella sabiex il-Gvern jieħu azzjoni b’mod immedjat ħalli il-poplu Malti u Għawdxi jingħata dak li verament għandu bżonn meta jkollu bżonnu.