Sirens jiksbu t-tieni rebħa tal-istaġun
Mosta jista jqisu lilhom infushom bħala fortunati hekk kif huma għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 2-1. Kienet rebħa li waslet hekk kif Balzan bdew jattakkaw u Mosta jiskurjaw. B’dawn it-tlett punti Mosta issa jinsabu fis-sitt post tal-klassifika. Balzan kienu sfortunati hekk kif huma laqtu l-lasta għal darba tnejn kif ukoll tilfu penalty. Pero kienu Mosta li bdew tajjeb fejn marru fil-vantaġġ wara biss disa’ minuti. Minkejja dan ir-reazzjoni tat-tim immexxi minn Oliver Spiteri kienet waħda tajba fejn huma għamlu minn kollox u wara li ġabu l-gowl tad-draw kien l-aktar tim favorit li jikseb ir-rebħa u t-tlett punti. Imma dan ma’ kellux ikun peress li ħdax-il minuta mit-tmiem Christ Ememe skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Balzan issa jinsabu fid-disa’ post fejn iridu jibdew jiksbu l-punti biex jevitaw problema akbar fit-tieni fażi tal-kampjonat.
Floriana kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva dan wara li huma għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 3-0 biex komplew telgħin aktar il-fuq fil-klassifika. B’din ir-rebħa l-Greens qabżu lill-istess Gudja biex issa jinsabu fil-ħames post tal-klassifika. Mill-banda l-oħra din kienet ir-raba’ telfa għal Gudja fl-aħħar ħames logħbiet. Għalihom kien hemm xi ftit ta’ problemi ta’ formazzjoni fejn in-nuqqas tad-difensuri Andre Prates u Juan Bolanos kien determinanti sabiex Floriana kellhom aktar faċilita biex jinfdu d-difiża. Gudja bdew tajjeb fejn l-ewwel mumenti wrew l-aħjar ideat imma bil-mod il-mod bdew jidhru Floriana sakemm żewġ gowls fi spazju ta’ sitt minuti lejn tmiem l-ewwel taqsima xaqilbu l-miżien favur il-Greens. Jidher li t-tim immexxi minn Atzori reġa sab saqajh biex issa jaspira li jisfida serjament għal post fl-Ewropa.
Anki Valletta kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva dan wara li huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-0. Kienet rebħa meritata għall-Beltin bil-gowls tagħhom jaslu minn Andrea Zammit u Brandon Paiber. Kienet partita importanti għaż-żewġ naħat fejn Valletta riedu li jkomplu jibnu fuq il-progress reġistrat f’dawn l-aħħar ġimgħat filwaqt li s-Saints li jinqalgħu miż-żona relegation. Din kienet it-tieni telfa minn daqstant logħbiet taħt il-gwida tal-kowċ Vincenzo Potenza. Fil-fatt dan tal-aħħar għamel tlett bidliet mill-aħħar logħba fejn beda b’Alba, Johnson u Carbone flok Blie, Jie u Pacheco. Il-kowċ avversarju Thane Micallef tefa l-fiduċja tiegħu fl-attakkant żgħażugħ Andrea Zammit fejn huwa rritorna dan billi kien huwa li fetaħ l-iskor u witta t-triq għar-raba’ rebħa tal-istaġun.
Fl-aktar logħba mistennija ta’ tmiem il-ġimgħa, draw ta’ 1-1 bejn Gżira United u Birkirkara. Riżultat li ma’ ssodisfa lill-ebda tim biex l-aktar li niżel għasel kien mal-leaders Ħamrun Spartans li jistgħu jkomplu jkabbru d-distakk jekk idawru r-riżultat kontra Żebbuġ Rangers. Kienet logħba bilanċjata bejn dawn iż-żewġ timijiet li t-tnejn li huma riedu l-punti massimi bl-objettivi tagħhom ikunu li jkomplu jisfidaw fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Birkirkara issa ilhom sitt logħbiet mingħajr rebħa wara dak il-bidu tant tajjeb. Attard u Coppola rritornaw għall-Istripes f’logħba li kienet tfisser ħafna. Finalment kien riżultat ġust f’logħba li kienet milquta minn maltemp qawwi fejn saħansitra kellha titwaqqaf għal kważi siegħa f’nofs it-tieni taqsima. B’Kara jinsabu fir-raba post iżda warajhom hemm numru ta’ timijiet li qed jippressaw u għaldaqstant il-bżonn tar-ritorn għar-rebħ huwa imparattiv.

Sirens kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva dan wara li huma għelbu lil M’Xlokk b’żewġ gowls stupendi skurjati minn Bento u Tachikawa. Kienet indubjament tnejn mill-isbaħ gowls li kellna s’issa dan l-istaġun fejn żġur li ser ikunu fost il-kontendenti għall-isbaħ gowl tal-istaġun. Il-kowċ Xlukkajr Pablo Doffo kien sfurzat li jagħmel sostituzzjoni wara biss ftit minuti biex b’hekk ħtieġlu li jagħmel xi tibdil pożizzjonali. U wara din kellu jerġa jagħmel bidla oħra ftit tal-ħin wara. Dawn kollha effettwaw il-pjan iniżjali tal-kowċ Xlukkajr. Il-gowls waslu wara s-siegħa logħob biex lejn it-tmiem Carniello ta ftit ta’ tama lil Marsaxlokk imma kien tard wisq. It-tim minn San Pawl il-Baħar issa jinsab ftit aktar komdu fil-ħdax-il post iżda seba’ punti fuq iż-żona l-ħamra. Għal M’Xlokk din kienet r-raba’ telfa tal-istaġun.

Hibernians komplew jersqu aktar il-fuq dan wara li kif kien mistenni huma għelbu lil Pieta Hotspurs bl-iskor ta’ 2-1. Kienu żewġ gowls minn Muritala li wittew it-triq għal din ir-rebħa bil-Hotspurs jnaqqsu d-distakk tard fil-partita. Kienet logħba li ntlagħbet f’kundizzjonijiet diffiċli ħafna fejn fit-tieni taqsima l-ballun bilkemm beda jiċċaqlaq f’xi partijiet tal-pitch. Iżda peress li kollox kien skont ir-regolamenti r-referee Daniel Casha baqa għaddej bil-logħba. Dan fisser li ma’ rajna prattikament xejn peress li kien diffiċli li naħa jew oħra turi xi kwalita ta’ logħob. Il-Pawlisti issa jinsabu fit-tielet post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier filwaqt li Pieta baqgħu flimkien ma’ Żebbuġ Rangers ankrati f’qiegħ il-klassifika.
Fl-aħħar nett il-logħba bejn Żebbuġ Rangers u Ħamrun Spartans sfat abbandunata minħabba l-maltemp kbir li għamel bir-riżultat sorprendentament 2-1 favur it-tim tal-qiegħ. Żebbuġ ħażdu lil Ħamrun fejn saħansitra kienu żewġ gowls minn fuq. Issa t-tieni taqsima tal-partita ser titkompla nhar il-Ħadd 27 ta’ Novembru.

INNUTAJNA
LI matul il-ġimgħa li għaddiet ħalla din id-dinja n-Nutar Tony Abela. Huwa kien President ta’ Rabat Ajax meta huma kien fil-Kampjonat Premier u fl-aqwa żmien tagħhom fis-snin tmenin. Fil-fatt taħt il-Presidenza tiegħu Rabat Ajax rebħu darbtejn il-Kampjonat Premier. Minn qalbna noffru l-kondoljanzi lill-familja Abela..
LI l-logħba ta’ nhar is-Sibt kontra Gżira United kienet il-200 logħba fil-Kampjonat Premier għat-Taljan Giovanni Tedesco. Huwa kien ġie Malti tmien snin ilu meta mexxa lil Floriana. Minn hemm il-quddiem huwa kien fit-tmun ta’ diversi timijiet fosthom Ħamrun Spartans, Birkirkara, Gżira United, Santa Lucia, Sirens u Valletta.
LI l-player ta’ Marsaxlokk Peter Xuereb, iċċelebra l-100 partita fil-Kampjonat Premier fil-logħba kontra Sirens. Xuereb ingħata tifkira qabel ma bdiet il-partita mit-tim manager Xlukkajr Peter Agius. Anki Mosta taw tifkira lil Zach Brincat li kien qed jilgħab il-150 logħba mal-klabb.
//= $special ?>