Il-Partit Nazzjonalista qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni dwar il-propjetajiet okkupati minn Soċjetajiet tal-Banda.
Sena ilu, il-Gvern wiegħed li se jkun qed jinnegozja ma’ sidien ta’ propjetajiet privati biex jixtri dawk il-binjiet li jkunu qed jintużaw mill-Każini tal-Banda.
Permezz ta’ stqarrija minn Julie Zahra, il-Kelliem għall-Arti u l-Kultura u għall-Wirt Nazzjonali u Graziella Galea, il-Kelliem għall-Volontarjat u għall-Inklużjoni, il-PN qal li jemmen fl-importanza tal-għaqdiet volontarji, b’mod partikulari tas-Soċjetajiet Mużikali, li huma essenzjali biex inżommu ħajjin it-tradizzjonijiet, l-arti u l-kultura Maltija, fejn joffru tagħlim lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna.
Irridu nħarsu dawn l-għaqdiet volontarji, nagħrfu r-rwol tagħhom u nassiguraw li jkollhom futur mingħajr intoppi. L-għaqdiet volontarji diġà qed isibu numru ta’ diffikultajiet biex jibqgħu jaħdmu, fl-istess waqt li n-numru ta’ volontieri mhux qed jiżdied.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern irid jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jwettaq dak li wiegħed. Irid jinstab bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien ta’ dawn il-propjetajiet u l-interess pubbliku ta’ dawn is-Soċjetajiet.
//= $special ?>