Sa issa, il-liġi tal-kannabis għenet biss biex dawk li jbiegħu d-droga, jibqgħu jagħmlu dan u jkomplu jagħmlu l-flus b’mod illegali.
Hekk stqarr l-editorjal ta’ The Malta Independent fejn sejjaħ il-legalizzazzjoni tal-kannabis bħala diżastru … bl-affarjiet kif qed jidhru, juri kemm il-kritika li saret mill-NGOs fis-settur dwar l-għaġla żejda li biha l-Gvern Laburista għaddha din il-liġi kienet verità.
L-editur kompla billi qal li l-kritika li saret anki mill-PN u minn dawk li jaħdmu fis-settur kienet waħda korretta.
Ir-riforma falliet fuq żewġ punti partikolari: li jiżdied l-għarfien dwar l-impatt tal-kannabis u kif ukoll li jkun hemm bejgħ b’metodi tajba u mhux li l-kannabis tinxtara minn taħt b’mod illegali. Dan apprti li issa, suppost, persuna għandha tkun taf xi kwalità qed tikkonsma.
Fl-aħħar jiem rajna t-tluq ta’ Mariella Dimech li kienet qed tmexxi l-Awtorità Responsabbli mill-Użu tal-Kannabis, fejn saħqet li dawn l-aħħar 10 xhur kienu iddominati minn strateġija li hi ma kinitx taqbel magħha.
L-editorjal kompla li kif inhuma l-affarjiet dawk l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jbiegħu il-kannabis, ma jistgħux jagħmlu dan, għax m’hemm l-ebda qafas regolaritorju li jippermetti dan kollu.
L-Independent tgħid li l-liġi spiċċat iddaħlet fi sqaq, għax wieħed jista’ jikkunsma l-kannabis, iżda ma jistax jixtriha legalment. Dan qiegħed iwassal biex ix-xerrejja qed ikollhom imorru għandu persuni li mhux biss jbiegħu l-kannabis, iżda jbiegħu wkoll d-droga. Il-gazzetta insistiet li l-Awtorità tal-Kannabis tħalliet tagħmel ftit li xejn u li apparti l-preżezna tagħha fl-Università ta’ Malta tul Freshers’ Week, ma tantx saru affarjiet oħrajn.
//= $special ?>