Adrian Delia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal fil-parlament li s-sitwazzjoni tat-traffiku tat-toroq issa saret gravi, m’għadhiex tikkonċerna biss it-traffiku u iżda qed tmur lil hinn minn hekk tant li s’issa kien hawn 24 fatalità, 1,000 midruba b’2,000 inċident iktar meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
Adrian Delia qal li issa anki l-President tar-Repubblika qed jitkellem dwar din is-sitwazzjoni fejn iddeskrieva din is-sitwazzjoni bħala tebgħa sewda fuq in-nazzjon. Mill-budget ‘l hawn żdiedu 1,430 karozza; 65 karozza fit-toroq kuljum. Minflok ikun hemm soluzzjonijiet, il-Ministru tat-Trasport jibqa’ jinsisti li jrid iktar karozzi fit-toroq.
Dwar il-liċenzjar, hu qal li hemm skandlu tat-tkexkix; propju meta hawn żieda qawwija fl-inċidenti. Quddiem dan kollu, l-ordni minn Kastilja kienet biex jinħarġu l-liċenzji sakemm il-persuni ma jmorrux bil-vetturi mċappsa bid-demm.
Din hi irresponsabbiltà biex jinqdew il-ħbieb fil-ministeri, sostna Adrian Delia,li kompla li din l-estremità waqa’ l-pajjiż.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li quddiem dan kollu l-Ministru u l-Prim Ministru jibqgħu siekta u ma jwettqux l-investigazzjonijiet neċessarji. Il-ġudikatura qed taħdem, sostna d-deputat Nazzjonalista, li insista li għandha tintrefa’ responsabbiltà politika quddiem il-liċenzji maħmuġin li qed jinħarġu. Kemm minn dawn kienu responsabbli għall-inċidenti!?, irrimarka Adrian Delia, li kompla li Transport Malta spiċċat ‘Scandal Malta’ bl-iskandli li qed isiru fiha.
Id-deputat Nazzjonalista rrifera għall-applikazzjoni ta’ Transport Malta għal xufiera u sostna li dan kien skandlu ieħor li fih ix-xufiera Maltin kienu se jitħallas bejn €7.30ċ u €7.50ċ s-siegħa waqt li dawk mir-Renju Unit lkienu se jitħallsu €18.50ċ is-siegħa; iktar minn tliet darbiet minn dak li kien se jitħallas ix-xufiera Maltin. Din il-kwistjoni, anki bis-saħħa tal-UĦM, issa ġiet riżolta.
Hu qal li tant in-nies qatgħu qalbhom għall-infurzar li dawk li għandhom dritt joperaw qed ikunu huma li jiskrutinjaw fuq min għandu dritt jaħdem jew le. Din mhux kwistjoni ta’ flus biss iżda warajha hemm nuqqas ta’ responsabbiltà; fit-toroq m’hemmx biss xufiera li ħaqqhom li jkollhom liċenzja.
Adrian Delia tkellem dwar is-suppost proġetti kapitali u qal li l-gvern la għandu pjan u lanqas proġetti u lanqas għandu sistemi ta’ immaniġġjar tat-traffiku u devjazzjonijiet bis-sens. Lanqas il-€35 miljun li l-Ministru Farrugia qal li se jinvesti għal min isuq ir-rota m’hemm imniżżla fil-budget, sostna d-deputat Nazzjonalista li appella biex is-sitwazzjoni tkun trattata bi pjan.
Adrian Delia tkellem dwar il-proġett tal-Imsida u qal li numru ta’ NGOs qed jappellaw biuex dan il-proġett jerġa’ jmur lura għall-ħsieb orġinali għax ma kienx hemm ħsieb warajh.
Hu tratta l-proġett tal-Marsa u qal li dan hu minsus bi skandlu ieħor ta’ korruzzjoni għax kien miftiehem u kien hemm min ra kif għamel u mmanipula biex dan jingħata lil min ma kellux dritt għalih.
Il-proġetti ma jingħażlux fl-interess tan-nies iżda fl-interess tal-ħbieb tal-ħbieb, sostna Adrian Delia, li kompla li lanqas il-metro m’għandha tissemma’; lanqas fl-estimi.
Lanqas ħaqq in-nefqa li għamel il-gvern fir-reklamar għall-metro, sostna Adrian Delia li kompla li t-toroq Maltin u n-negozji ftit jifilħu iktar din is-sitwazzjoni minħabba d-densità qawwija fil-pajjiż.
Il-pajjiż għandu l-għola tniġġiż fl-Ewropa b’konsegwenzi mediċi kbar. L-imwiet mill-mard respiratorju huma ogħla mill-mewt bil-COVID f’sena; iżda l-gvern ma jirrikonoxxix din il-problema.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-avjazzjoni u l-mod kif inbena s-settur marittimu u qal li Gvern Nazzjonalista kien beda s-settur tal-avjazzjoni.
Dan il-gvern Laburista jidher li m’għandux pjan biex Malta tibqa’ ċentru fl-avjazzjoni; lanqas hemm investimenti fosthom mal-qafas leġiżlattiv li Malta għandha x’toffri barra mill-pajjiż bil-kapaċità tal-ħaddiema Maltin biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità.
Dwar il-mobiltà, id-deputat Nazzjonalista qal li llum hawn paraliżi fit-trasport alternattiv; il-gvern qed jeqred kull inizjattiva. Hu semma’ l-iscooters u qal li l-PN ressaq proposti għal din l-alternattiva sempliċi li ma tniġġisx.
Jeħtieġ li jkun hemm qafas regolatoru għax ma jistax ikun li jkun hemm problemi għal min irid jimxi fuq il-bankini minħabba l-iscooters. In-nies bilfors qed ikunu frustrati bi problemi ta’ saħħa mentali.
Adrian Delia semma’ s-soluzzjonijiet u qal li mhux isiru ġibjuni biex tissolva l-problema tal-ilma fit-toroq waqt li m’hemmx infurzar tal-liġijiet dwar l-ilma fil-proġetti ta’ kostruzzjoni.
Id-deputat Nazzjonalist appella għal soluzzjoni fl-immaniġġjar tat-traffiku iżda l-gvern lanqas ħsieb ta’ ippjanar m’għandu. Jeħtieġ iktar rotot effiċjenti u frekwenti għall-karozzi tal-linja; iż-żgħażagħ għandhom ikunu motivati biex ma jixtrux karozzi u ma jkunux dipendenti fuq il-karozzi. Jeħtieġ investiment fit-teknoloġija fl-immaniġġajr tat-traffiku u fiċ-ċentri ta’ parkeġġi, li baqgħu ma sarux, sostna Adrian Delia.
//= $special ?>