Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista llejla approva lil Mary Anne Lauri u lil Chris Said bħala President Riċerka Politika u President tad-Djalogu Soċjali rispettivament. Ikkonferma wkoll lil Mario Ellul bħala t-Teżorier tal-Partit.
Dan wara li t-tlieta li huma ssottomettew in-nomina tagħhom għal dawn il-karigi u ma kienux ikkontestati. Fl-istess waqt, il-Kumitat Eżekuttiv irringrazzja wkoll lil Martina Caruana u lil Ivan J. Bartolo għax-xogħol siewi tagħhom fil-karigi ta’ President Riċerka Politika u President Djalogu Soċjali rispettivament.
Mary Anne Lauri, fil-kariga tagħha bħala President tar-Riċerka Politika, se tkun qed issegwi dawk l-inizjattivi meħtieġa biex il-Partit Nazzjonalista jkollu strateġija politika aġġornata, relevanti u effettiva, li taħseb għal qafas tas-sustanza politika li tkompli ssaħħaħ il-ġid komuni f’pajjiżna u biex il-Partit isaħħaħ l-għodda tar-riċerka, l-analiżi, it-taħriġ u l-formazzjoni politika tiegħu.
Serviet ukoll f’diversi setturi oħrajn, fosthom fil-Bord Editorjali tal-PBS, fil-Kumitat Nazzjonali tal-Bioetika, fil-Kummissjoni Nazzjonali għall-Familja, fil-Bord tal-Professjonisti fil-Psikoloġija, fil-Bord tal-Adozzjonijiet, fil-Bord tal-Etika tal-Fondazzjoni tal-President u bħala President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikoloġija.
Min-naħa tiegħu, fil-kariga tiegħu bħala President Djalogu Soċjali, Chris Said se jkun qed jippromwovi kultura politika li tħaddan u tħaddem l-għodda tad-djalogu fir-rispett tad-diversità bħala approċċ għas-soluzzjoni tal-problemi fis-soċjetà u twettaq ħidma, fuq livell nazzjonali u lokali, ta’ kuntatt u kollaborazzjoni ma’ organizazzjonijiet politiċi oħrajn, kulturali, soċjali, unions, korpi kostitwiti, mal-għaqdiet volontarji u mas-soċjetà ċivili, bl-iskop li l-partit jissieħeb fi djalogu regolari fl-aqwa interess nazzjonali u tal-ġid komuni, fost oħrajn.
Fl-aħħar leġislatura ta’ Gvern Nazzjonalista, hu serva bħala Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u aktar tard bħala Ministru tal-Ġustizzja, Politika Soċjali u d-Djalogu Pubbliku. Wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013, hu serva għal xi snin bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll għal xi snin bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex.
F’żogħżitu, hu serva f’diversi karigi bħala rappreżentant tal-istudenti kif ukoll għall-perjodu ta’ tmien snin kien involut fl-amministrazzjoni tal-football f’Għawdex
//= $special ?>