Futbol Sport

”Inħossni tradut” – Cristiano Ronaldo

(Ritratt: EPA)

F’intervista li ta lill-ġurnalist Piers Morgan waqt il-programm ‘Piers Morgan Uncensored’ fuq Talk TV, l-attakkant ta’ Manchester United Cristiano Ronaldo qal li jħossu ‘tradut’ u li l-Manager tar-Red Devils Erik ten Hag u nies f’karigi għolja fil-klabb iridu jeħilsu minnu.

Riċentament Ronaldo kien iddixxiplinat minn Manchester United wara li rrifjuta li jidħol bħala sostitut f’rebħa ta’ 2-0 fuq Tottenham ix-xahar li għadda iżda rritorna fit-tim fejn anke kien captain f’telfa ta’ 3-1 kontra Aston Villa.

Madankollu il-plejer ta’ 37 sena ma kienx parti mill-iskwadra ta’ Manchester United il-Ħadd kontra Fulham fost spekulazzjoni li l-avventura tiegħu f’Manchester jista jkun li tinsab fit-tarf.

Waqt l-intervista, dwar ten Hag, Ronaldo qal li m’għandux rispett lejn l-eks kowċ ta’ Ajax għaliex hu ma jirrispettaħx u qal ukoll li mhux biss il-kowċ ma jridux iżda anke tnejn jew tlieta minn nies oħra fil-klabb.

Mistoqsi jekk hux jirreferi għal nies f’karigi għolja fil-klabb, Ronaldo qal li iva u li mhux biss dan l-istaġun iżda din is-sitwazzjoni ilu jħossha sa mill-istaġun li għadda.

Huwa qal li jrid l-aħjar għall-klabb u għalhekk irritorna ma’ Manchester United iżda dawn l-affarijiet interni mhux jgħinu lit-tim jilħaq il-livell tar-rivali Manchester City, Liverpool u Arsenal.

Manchester United jinsabu l-ħames fil-Premier League, 11-il punt taħt il-leaders Arsenal.

Fi stqarrija maħruġa t-Tnejn wara nofsinhar, Manchester United qalu li se jkunu qed jikkunsidraw li jirrispondu wara li jevalwaw il-fatti kollha.