Internazzjonali

Is-Summit tal-G20 fl-Indoneżja: Joe Biden jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Uniti u ċ-Ċina jevitaw stat ta’ konflitt

US President Joe Biden (R) and China's President Xi Jinping (L) shakes hands as they meet on the sidelines of the G20 Summit in Nusa Dua on the Indonesian resort island of Bali on November 14, 2022. (Photo by SAUL LOEB / AFP) (Photo by SAUL LOEB/AFP via Getty Images)

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qed juża s-Summit tal-G20 fl-Indoneżja biex jenfasizza l-importanza li pajjiżu u ċ-Ċina jevitaw konflitt akkost ta’ kollox. It-tensjoni bejn il-potenzi ilha tirranka,bl-issue tat-Tajwan qed tinkwadra bi prominenza  — speċjalment wara li l-President taċ-Ċina Xi Jinping insista li din il-Gżira-Stat għandha tispiċċa taħt is-sovranità ta’ Beijing.

L-Istati Uniti hi impenjata biex tiddefendi lit-Tajwan, li ilu għexieren tas-snin jeżerċita stil ta’ tmexxija demokratiku, f’każ li  jispiċċa attakkat miċ-Ċina.

Sadanittant – u waqt li l-Mexxejja tal-pajjiżi kienu qegħdin jaslu fl-Indoneżja għas-Summit – Joe Biden u Xi Jinping iltaqgħu f’Bali għall-ewwel taħditiet wiċċ-im-wiċċ mindu tal-aħħar kien laħaq President. Dan fost tamiet li ż-żewġ Mexxejja  jiffissaw ‘politika li tillimita l-aġir tal-pajjiżi rispettivi’ fil-konfront tat-Tajwan, f’sitwazzjoni li qed issir dejjem aktar perikoluża u inċerta.

Fl-istess ħin, l-indikazzjonijiet huma li t-taħditiet speċifiċi bejn Biden u Xi Jinping għandhom ikomplu għat-tul taż-żmien – u fost sinjali li l-Mexxejja, issa, iddiskutew anki s-sigurtà ekonomika globali; il-Korea ta’ Fuq komunista u l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.

Hemm ukoll it-tamiet li l-laqgħa bejn Biden u Xi Jinping ittaffi ftit mit-tensjoni li rrankat bejn iż-żewġ potenzi wara ż-żjara fit-Tajwan, matul is-sajf, tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana, Nancy Pelosi.

L-Amministrazzjoni f’Washington fl-aħħar jiem insistiet li qed issegwi politika konċiljatorja maċ-Ċina, bil-President Biden isostni li ż-żewġ pajjiżi jeħtieġu juru li jistgħu jegħlbu d-differenzi waqt li jevitaw li l-kompetizzjoni intensiva twassal għal konflitt militari li minnu ma jibbenefika ħadd.

Joe Biden anki qed jittama li, ‘il quddiem, jikkonvinċi liċ-Ċina dwar il-ħtieġa għal mezzi li bihom hi tista’ taħdem id f’id mal-Istati Uniti fid-diversi setturi.

Il-President Amerikan qed jimpenja ruħu biex iżomm ‘il-linji ta’ komunikazzjoni miftuħin’ ma’ Xi Jinping waqt li qal li d-dinja qed tistenna li l-Istati Uniti u ċ-Ċina jaqdu rwol importanti fl-impenji li jindirizzaw l-isfidi mill-bidliet fil-klima u n-nuqqasijiet tal-ikel fuq livell globali.

Sadanittant – u skont l-aħħar indikazzjonijiet – Xi Jinping qed jidher li qabel ma’ Joe Biden dwar dan u fejn irrikonoxxa li r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu ma’ Washington ‘spiċċaw f’sitwazzjoni li qed tqanqal it-tħassib’.

Xi Jinping sostna li l-komunità internazzjonali ma tistenniex li tiffaċċja dawn is-sitwazzjonijiet inċerti u li d-dinja waslet ‘f’salib it-toroq’ – fost ċirkustanzi li jirrikjedu li hu u l-President Amerikan jinnavigaw l-aħjar triq għar-relazzjonijiet bilaterali. Sadanittant, il-President Ċiniż anki wissa lil Biden biex ‘ma jaqbiżx il-linja l-ħamra’ fir-rigward tat-Tajwan.

Kemm Joe Biden kif ukoll Xi Jinping qed iwasslu l-messaġġ li huma jafu eżatt x’hemm fin-nofs waqt li qegħdin jibgħatu s-sinjali lill-komunità globali li huma se jkunu responsabbli fid-deċiżjonijiet li jieħdu.

Intant, wieħed ‘il quddiem irid jara x’inhuma tassew il-pjani ta’ Biden u Xi Jinping, bis-summit ta’ jumejn fl-Indoneżja kapaċi jipproduċi xi ‘sorpriżi’ minn aspett ġeopolitiku.