Il-Ministru Tork għall-Intern, Suleyman Soylu, qal li l-ewwel investigazzjonijiet wara l-attakk terroristiku tal-Ħadd f’Istanbul qed jindikaw is-sehem tal-grupp separatisti tal-Kurdi PKK. Dan minkejja li l-ebda organizzazzjoni ma ħadet responsabbiltà għall-isplużjoni suwiċida li ħallet sitta mejtin u ‘il fuq minn 80 midruba – inklużi nisa u tfal
L-attakk seħħ meta mara tajjret l-isplussivi li kienet qed iġġorr tit-triq kummerċjali ta’ Istiklal, li hi popolari ħafna mat-turisti, u li tinsab fid-distrett ta’ Beyoglu. Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, fisser l-attakk bħala tradiment lill-poplu waqt li l-Ministru Soylu insista li pajjiżu għandu jirritalja dalwaqt fil-konfront tan-nies u l-entità responsabbli.
L-awtoritajiet Torok huma konvinti li Istanbul – l-akbar belt fit-Turkija – mill-ġdid spiċċat mira għat-terroriżmu u għalkemm is-sitwazzjoni, issa, rritornat għan-normal, ir-residenti li għaddejjin bil-ħajja ta’ kuljum qegħdin jidhru maħkumin mit-tensjoni.
L-uffiċjali Torok jemmnu li, minbarra l-mara suspettata dwar l-isplużjoni, kien hemm involuti wkoll żewġ irġiel żgħażagħ li l-identitajiet tagħhom ma kenux stabbiliti.
L-attakk tal-Ħadd kien anki xokkanti għaliex ma kien hemm l-ebda forma ta’ twissija minn qabel – bil-preżenza tas-sigurtà fiċ-ċentru ta’ Istanbul għadha qawwija.
Din mhix l-ewwel darba li Istanbul ġarrab dawn l-attakki meta, bejn l-2015 u l-2017, mietu ‘il fuq minn 500 waqt azzjonijiet terroristiċi mwettqa mis-separatisti Kurdi u l-militanti Iżlamiċi fl-inħawi.
//= $special ?>

