Qorti Rivoluzzjonarja f’Tehran ikkonfermat l-ewwel sentenza tal-mewt għal persuna li spiċċat arrestata dwar sehem fil-protesti li għaddejjin bħalissa – u fuq bażi nazzjonali – kontra r-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei. Il-persuna, li ma ssemmietx, instabet ħatja li tat in-nar lil faċilità tal-Gvern u li ‘esprimiet livell ta’ antagoniżmu fil-konfront ta;’ Alla’.
Intant, qorti oħra kkundannat ħames persuni għal perjodi ta’ ħabs bejn ħamsa u għaxar snin dwar abbużi tas-sigurtà nazzjonali u ksur tal-ordni pubblika.
Il-grupp Iran Human Rights ibbażat fin-Norveġja wissa li r-reġim ta’ Khamenei jista’ qed jippjana ‘sensiela ta’ esekuzzjonijiet ta’ uħud mid-dimostranti’ u li jridu jsiru ‘mill-aktar fis’. Ingħad ukoll li talanqas 20 persuna fl-Iran qed jiffaċċjaw akkużi li jġorru l-piena kapitali skont il-liġijiet ta’ Tehran.
L-istess grupp sejjaħ biex il-komunità internazzjonali tieħu azzjoni urġenti u tibgħat ‘twissija soda lill-Iran dwar il-konsegwenzi li jkollu jħallas f’każ li joqtol lid-dimostranti b’dan il-mod arbitrarju’.
Il-protesti kontra l-establishment Iżlamiku f’Tehran żbruffaw xahrejn ilu wara li mara li, allegatament, ma kenitx liebsa l-hijab kif suppost tilfet ħajjitha ftit wara l-arrest mill-Pulizija għall-Ħarsien tal-Moralità Iżlamika. Il-protesti nfirxu għal 140 belt u villaġġ fl-Iran u meta issa żvolġew fl-akbar sfida li qatt kellu jiffaċċja r-reġim ta’ Khamenei mit-twaqqif tiegħu lejn l-aħħar tas-sebgħinijiet.
//= $special ?>

