Għawdex Lokali

Liġi waħda għal tliet allat u liġi oħra għall-Ħaddiema fiċ-Ċivil – PN

Għaddiet kważi ġimgħa u l-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir kif il-Gvern Laburista għadu ma ħa l-ebda pass fil-konfront ta’ tliet impjegati għoljin fil-Ministeru ta’ Għawdex li tressqu l-Qorti akkużati bi qtil involontarju, f’turija ċara ta’ two weights two measures għal dan il-Gvern.

Dan ħareġ fi stqarrija tad-Deputati Nazzjonalisti Darren Carabott, Ivan Castillo u Alex Borg.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-ħaddiema kollha li llum qed jisfaw iddiskriminati minħabba li, meta fil-passat l-istess Ministeru mmexxi mill-istess nies, fosthom is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru ta’ Għawdex, ħadu passi dixxiplinarji aktar iebsa fuq persuni li ġew akkużati b’reati ta’ natura anqas gravi f’għajnejn il-Liġi.

Filwaqt li għandu jkun issalvagwardjat il-prinċipju tal-innoċenza qabel tinstab ħtija, il-Partit Nazzjonalista jisħaq għall-konsistenza fid-deċiżjonijiet tal-Gvern fir-rigward ta’ passi dixxiplinarji fil-konfront tal-impjegati fil-Ministeru li huma akkużati b’reati kriminali u dan biex ikun assigurat li ma sseħħx diskriminazzjoni bejn l-impjegati fiċ-Ċivil.

F’każi bħal dawn ma jistax ikun li jkollna deċiżjonijiet tal-Gvern ibbażati fuq l-uċuħ minflok fuq il-mertu jew is-serjetà tal-akkużi. Ma jistax ikun hawn is-saltna tad-dritt tirrenja f’pajjiżna meta għandna Gvern li japplika liġi għall-allat u liġi oħra għall-annimali.