Raġel ta’ 37 sena ġie arrestat mill-Pulizija t-Tnejn filgħodu b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga, fil-Qawra.
L-arrest seħħ għall-ħabta tal-11:30 ta’ filgħodu waqt li Pulizija li kien fuq ronda fi Triq Annetto Caruana nnota vettura pparkjata f’kantuniera. Ftit tal-ħin wara l-Kuntistabbli lemaħ lil sid il-vettura u talbu ddettalji sabiex tinħareġ kontravenzjoni u kien f’dak il-mument li huwa qajjem suspett li seta’ kien fil-pussess ta xi ħaġa llegali.
Waqt tfittxija li saret fil-vettura, instabu xi flus kontanti kif ukoll ponn tal-ħadid. Minħabba li dawn l-oġġetti qajmu aktar suspett, kompliet it-tfittxija fil-vettura fejn il-Pulizija sabet 19-il qartas bi trab kannella suspettati droga eroina u 27 boroż żgħar b’sustanza bajda suspettata kokaina.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija il-Floriana, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli qiegħda tmexxi inkjesta.
//= $special ?>