Tmiem il-ġimgħa oħra ta’ suċċess għat-tim Valletta Subbuteo Club, hekk kif fi tmiem din il- ġimgħa kienu qed jipparteċipaw fil-Major Tournament ġewwa Franza.
Is-Sibt kien hemm il-kompetizzjonijiet individwali fejn fil-kategorija Open ir-rebbieħ kien il-plejer Belġjan ta’ VSC Christophe Dheur. Samuel Bartolo kien ukoll semifinalist, fejn fi logħba tas-semifinali inqala mal-istess Christophe Dheur. Fil-kategorija tal-Veterani Mario Camilleri wasal sal-kwarti tal-finali fejn tilef bl-iskor ta’ 2-0 kontra r-rebbieħ ta din il-kategorija Gianfranco Calonico.
Il-Ħadd kien imiss il-kompetizzjonijiet tat-timijiet, fejn Valletta Subbuteo Club kienu r-rebbieħa ta’ dan il-Major Tournament. Fil-kwarti tal-finali ltaqgħu mat-tim Malti ieħor Bormla SC, fejn Valletta rebħu bl-iskor ta’ 4-0. Fis-semifinali lagħbu kontra t-tim Taljan CCT Eagles u rebħu bl-iskor ta’ 3-1. Il-finali kienet waħda missielta kontra t-tim Belġjan ta’ ST Stembert. Din il-finali spiċċat bl-iskor ta’ 2-2 iżda Valletta Subbuteo club ħarġu r-rebbieħa b’differenza ta’ gowl. Mal-Belġjani ta’ ST Stembert lagħab il-Malti Jurgen Balzan li fil-kompetizzjonijiet individwali kien eliminat fir-rawnd tal-aħħar sittax fil-kategorija Open, kontra Samuel Bartolo bl-iskor ta’ 3-1.
It-tim ta’ Valletta Subbuteo club kien iffurmat mil-captain Samuel Bartolo, Mark Gauci, Mario Camilleri, Christophe Dheur u Ludovic Phontieux.
//= $special ?>