Kontinġent ta’ 24 parteċipant, bejn ċiklisti u tim ta’ sapport, temmew b’suċċess it-22 edizzjoni tan-Nescafé LifeCycle Challenge… li nvolviet avventura spettakolari ta’ ċikliżmu ta’ 1,700 kilometru minn Buenos Aires fl-Arġentina għal Santiago fiċ-Ċilì. Il-parteċipanti waslu fil-kapitali Ċilena Santiago il-Ġimgħa li għadda.
L-Arġentina u ċ-Ċilì rispettivament kienu d-49 u l-50 pajjiż li żaru l-parteċipanti ta’ LifeCycle mill-bidu ta’ din l-isfida annwali iżjed minn 20 sena ilu. L-edizzjoni ta’ din is-sena rat ir-rotta taċ-ċiklisti toħodhom al-muntanji Andes f’għoli ta’ aktar minn 3,000 metru li huwa rekord fl-istorja tal-LifeCycle.
Mar-ritorn tagħhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn titjira minn Londra, evidenti kien is-sodisfazzjon taċ-ċiklisti, li bil-qadfa tagħhom għenu lil min hu inqas ixxurtjat.
Matul l-isfida ta’ 10 ijiem, il-parteċipanti kellhom jiffaċċjaw kundizzjonijiet iebsin fosthom riħ qawwi u tip ta’ terreni differenti matul ir-rotta, minn toroq ramlin u fondi fl-għelieqi għal toroq twal bit-tarmak.li għamluha sfida mentali iebsa.
Bħal snin preċedenti, l-għan tan-Nescafé LifeCycle Challenge huwa li jqajjem għarfien fuq il-mard tal-kliewi kif ukoll li jinġabru fondi għal riċerka fil-qasam tal-mard tal-kliewi u għat-trattament ta’ din l-istess marda.
//= $special ?>