“Uliedi ma jiftakrux żmien mingħajr sit ta’ kostruzzjoni.” Dan intqal minn resident li jgħix f’Tas-Sliema waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata minn Moviment Graffiti sabiex ma tinbeniex lukanda f’żona residenzjali.
Moviment Graffitti, flimkien mar-residenti, Flimkien għal Ambjent Aħjar, u organizzazzjonijiet oħra, esprimew id-diżgust tagħhom għall-lukanda ta’ 11-il sular proposta minn Michael Stivala f’żona residenzjali f’Tas-Sliema, rakkomandata għall-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-proposta ta’ Stivala se titfa’ f’dell il-ġonna storiċi ta’ Villa Bonici, l-aħħar pulmun aħdar li fadal f’Tas-Sliema, u tkun kawża ta’ konġestjoni miżjuda u tniġġis tal-istorbju f’żona residenzjali diġà mgħobbija żżejjed.
Moviment Graffiti qalu li Michael Stivala li huwa ċ-Chairman ta’ Stivala Group huwa responsabbli għal ħerba li għandna f’dan il-pajjiż bħalissa u l-problemi li qed jaffaċċjaw in-nies minħabba żvilupp f’żoni residenzjali. L-iżviluppaturi juru arroganza, impunita u nuqqas ta’ kunsiderazzjoni għan-nies kif ukoll għall-kwalita’ ta’ ħajjithom. Din l-għaqda saħqet li ma jemmnux fid-dehra filantropika li juri Michael Stivala.

L-għaqda saħqet li l-interessi finanzjarji ta’ dawn l-iżviluppaturi qed ixekkel l-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Huma saħqu li l-Gżejjer Maltin qed jintradmu taħt it-terrapien u iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jonqsu l-veduti sbieħ li konna ngawdu. Huma aċċenaw li ż-żoni residenzjali għandhom l-ewwel u qabel kollox jibqgħu residenzjali.
Il-Koordinatur ta’ Flimkien għall-Ambjent Aħjar Astrid Vella, minn naħa tagħha qalet li r-regolamenti kienu li ma jistgħux jinbnew lukandi f’żoni residenzjali kif ukoll li jkun rispettat l-aspett storiku taż-żona fost oħrajn…regolamenti li kollha ġew miksura sabiex l-iżviluppaturi jkomplu jagħmlu l-flus.
Hija aċċenat li sa għaxar snin ilu f’din iż-żona partikolari f’Tas-Sliema kien għad hawn għelieqi li jinħadmu…sitwazzjoni ferm tal-biki għal pajjiżna.

Barra minn hekk Astrid Vella qalet li f’diversi studji ġie żvelat li t-trab mill-iżvilupp qed jagħmel ħafna ħsara lin-nies minnbarra li jikkawża tniġġis kbir. Dan hekk kif, 25% tal-attakki tal-qalb huma kkawżati minn dan it-tniġġis fejn Vella aċċentat li pajjiżna ma jistgħax jibqa’ sejjer hekk.
Astrid Vella qalet li l-ebda żviluppatur Malti m’għandu interess fl-arkitettura tipika Maltija iżda jrid ikompli jkisser u jibni bini modern filwaqt li jnaqqar aktar mill-ftit żoni ħodor li fadal f’pajjiżna.
Resident li jgħix f’din iż-żona esprima li din il-lokalita’ lanqas għadha tintagħraf bil-bini esaġerat li dejjem qed jiżdied. Huwa qal li uliedu lanqas biss jiftakru żmien mingħajr sit ta’ kostruzzjoni f’din iż-żona. Barra minn hekk, huwa qal li l-kwalita’ tal-ħajja ta’ din il-komunita dejjem qed tmur għall-għar. Intant, huwa esprima rabja kbira meta qal li diversi pjanijiet lokali kienu nbidlu mingħajr diskussjonijiet.
Intant, d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-ippjanar għal din il-lukanda mistennija tittieħed it-Tlieta 22 ta’ Novembru fil-11:30 ta’ filgħodu.
//= $special ?>