Kultura Lokali

Andre Rieu b’kunċert f’Malta s-sena d-dieħla

It-Tlieta wara nofsinhar wasal f’Malta il-vjolinist Olandiż ta’ fama internazzjonali Andre Rieu, illi ħabbar li fl-bidu ta’ Settembru tas-sena d-dieħla, ser ikun qed jippreżenta kunċert grandjuż f’pajjiżna … li bla dubbju ser ikun milqugħ tajjeb minn eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Andrew Rieu, magħruf bħala r-Re tal-Waltz twieled fl-1 ta’ Ottubru tas-sena 1949 u kiseb fama internazzjonali bħala vjolista u surmast tal- Johann Strauss Orchestra li ġiet imwaqqfa minnu stess fl-Olanda fl-1987.

Il-Johann Strauss Orchestra immexxija minn Andre Rieu,hija magħrufa għall-Waltz – stil ta’ mużika li jinżel tajjeb ma’ nies ta’ etajiet differenti.

Apparti dan, fil-kunċerti ta’ Rieu tistenna li tara numru kbir ta’ artisti jieħu s’hemm … u xi ftit umoriżmu ma’ jonsoqx.

It-toroq tal-Belt Valletta kienu ippakjati bin-nies sabiex jilqgħu lil Rieu, minħabba li din kienet l-ewwel darba li rifes l-art Maltija.

Fil-kummenti tiegħu lill-media hu qal li kien jaf li s-segwaci tiegħu qed jistennewh iniedi kunċert propju f’Malta, iżda ma kienx qed jistenna li jara daqstant nies  jilqgħuh. Rieu qal li ilu snin jixtieq jiġi Malta u jtella’ kunċert hawn, peress li ħafna Maltin jivvjaġġaw għall-ispettakli tiegħu.

Waqt li waqaf jiffirma l-awtografi u jieħu ritratti mas-segwaci tieħu, Rieu għadda wkoll minn diversi postijiet popolari fil-kapitali.

Net News tkellem ukoll ma’ Thomas Chetcuti, tifel ta’ 11-il li hu fan kbir ta’ Andre Rieu u ilu jsegwih minn mindu kellu 5 snin.

Andrew Rieu biegħ aktar minn 40 miljun CD jew DVD, u rebaħ aktar minn 500 Paltinum Award u 270 Gold Award taħt titli varji. Il-mużika klassika tiegħu għandha l-ogħla attendenza fid-dinja għall-mużika ta’ dan it-tip.