Sport

Boċċi: Msida Champions tal-Ewwel Diviżjoni

Msida rebħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta quddiem pubbliku numeruż fil-pitch ta’ Qormi San Bastjan għelbu lil Żebbuġ 21 ma 20. Kif jixhed ir-riżultat, il-konfront kien wieħed missielet fejn b’kollox dam madwar 4 siegħat u nofs.

Għat-tim ta’ Żebbug bdew il-logħba bħala garaturi Roderick Abela, Owen Bezzina u bħala fendatur beda Mabli Spiteri. Meta r-riżultat kien 5 ma 4 favur Żebbuġ, daħal il-fedndatur sostitut Paul Pace minflok Malbli Spiteri.

Għal Msida lagħbu bħala garaturi Joseph Tabone, Paul Vassallo u bħala fendatur Christ Mallia. It-tim ta’ Msida ġab ir-riżultat 10 ma 5 favur tagħhom u saret waqfa għall-mistrieħ. Iż-Żebbuġin għamlu bidla fil-garatur meta inqala Roderick Abela u daħal bħala sostitut Ġorġ Grech. Il-logħba kompliet, fejn wara li saret din il-bidla ż-Żebbugin għamlu 2 punti biex ir-riżultat sar 10 ma 7 favur Msida. Msida komplew jilagħbu tajjeb fejn reġgħu għamlu 2 punti oħra biex ġabu r-riżultat 7 ma 12 favur tagħhom.

Żebbuġ għamlu 2 punti oħra bir-riżultat isir 12 ma 9 favur Msida. Fil-ġugata ta’ wara kienu Msida li għamlu 2 punti biex ir-riżultat ġie jaqra 14 ma 9 favur it-im ta’ l-Msida.

Il-Misidjani komplew bil-logħob tajjeb li kienu qed jilagħbu u reġgħu għamlu 3 punti oħra biex ġabu r-riżultat 17 ma 9 favur tagħhom. Żebbug għamlu punt wieħed biss fil-ġugata ta’ wara fejn ir-riżultat ġie 10 ma 17 favur Msida.

Iż-Żebbuġin irkupraw aktar u resqu aktar viċin fl-iskor meta għamlu 4 punti biex l-iskor sar 14-17, bil-Misidjani jibqgħu fil-vantaġġ.. B’rimonta qawwija it-tim Żebbuġi mar minn fuq 20 ma 17.

Il-pubbliku numerus li attenda għal din il-finali, baqa’ fuq ix-xwiek sal-aħħar, bir-riżultat seta’ jmur kull naħa.

Fl-aħħar nett kienu Msida li għamlu l-punti li kellhom bżonn biex ħarġu rebbieħa 21 ma 20

Il-loghba kienet ikkontrolata mir-Referee is-Sur Enriques Decelis u Assistent Referee kien is-Sur Stephan Fardell. Il-preżentazzjoni saret mill-President tal-Federazzjoni Klabbs tal-Bocci s-Sur Clinton John Saliba, fost il-ferħ tal-partitarji numeruzi Misidjani.