Lokali Qorti

Dikjarat arrest illegali fil-konfront ta’ raġel mixli bi traffikar ta’ droga

Il-Qorti ddikjarat li arrest fil-konfront ta’ raġel ta’ 37 sena kien wieħed illegali għaliex ma ntużawx in-normi skont il-liġi meta ġie arrestat mill-Pulizija. Stefano Montebello li m’għandux indirizz fiss u li ġie arrestat nhar it-Tnejn fis-12.40pm mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga eroina u kokaina, fil-Qawra tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia fejn allegatament l-Pulizija sabet 19-il qartas bi trab kannella suspettati droga eroina u 27 boroż żgħar b’sustanza bajda suspettata kokaina.

Issa l-provi jridu jinstemgħu minn Maġistrat anke jekk l-Avukat Ġenerali jista’ jappella mid-deċiżjoni tal-arrest illegali. Peress li kien dikjarat li l-arrest ma sarx skont il-liġi Montebello ma kellux għalfejn jagħmel talba għall-pleġġ peress li f’każijiet bħal dawn jiġi meħlus sakemm jiġi deċiż il-każ tiegħu.

Kien it-Tnejn filgħodu għall-ħabta tal-11.30am. li l-Pulizija li kien fuq ronda fi Triq Annetto Caruana nnota vettura pparkjata f’kantuniera b’mod illegali għax kienet fi spazju li setgħet tostakola vetturi oħra. Stefano Montebello, deher jaġixxi b’mod suspettuż u nnota li kien hemm il-Pulizija fil-viċinanzi u hawn daħal f’ħanut tal-merċa,

Ftit tal-ħin wara l-Kuntistabbli lemaħ lil sid il-vettura u talbu d-dettalji sabiex tinħareġ kontravenzjoni u kien f’dak il-mument li huwa qajjem suspett li seta’ kellu xi ħaġa llegali. Waqt tfittxija li saret fil-vettura, instabu xi flus kontanti, ponn tal-ħadid u pouch li kien fih id-droga.

L-oġġetti qajmu aktar suspett, kompliet it-tfittxija fil-vettura bir-raġel jispiċċa fil-lock-up tal-Pulizija il-Floriana, waqt li l- investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.Il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli qiegħda tmexxi inkjesta. Peress li hemm dubju żgħir kemm hu żgħir li fil-mument li l-imputat ġie arrestat fuq il-post inkwistjoni, effettivament ġewx osservati l-kriterji skont il-liġi, għaldaqstant dan id-dubju jeħtieġ li jmur favur l-imputat.

Għalhekk kif seħħew l-affarijiet fid-dettal, l-Qorti jidhrilha li m’għandhiex tikkonvalida l-arrest u tordna għalhekk li l-imputat jiġi rilaxxat mid-detenzjoni. Dan seħħ wara li l-Avukat Franco Debono li flimkien ma’ l-Avukat Fracesca Zarb deheru għall-akkużat, qal lill-Qorti li l-arrest ma sarx skont il-liġi.

Debono qal li rari li huwa jikkontensta l-arrest imma dan kien każ fejn Montebello lanqas ingħata t-twissija li kien se jiġi arrestat. L-Ispettur Warren Galea qal li ma kienx qed jaqbel ma’ dan iżda l-Avukat Debono baqa’ jinsisti u jgħid li l-liġi hawn titkellem ċar, u meta l-Qorti qalet li għandha d-dubji tagħha, ddikjarat li d-dubju gġandu jmur favur l-akkużat u ddikjarat l-arrest bħala wieħed illegali.