Għat-tieni darba fi ftit ġimgħat, il-laqgħat ta’ konsultazzjoni mħejjija mill-Partit Nazzjonalista bl-isem “Kundizzjonijiet – Drittijiet – Xogħol” ġiegħlu lill-Gvern Laburista jieħu azzjoni dwar titjib fil-kwalità tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li xegħelet il-bozza l-ħamra fuq id-diskriminazzjoni u n-nuqqasijiet preżenti li hemm fil-Wage Regulation Orders u l-bżonn li ssir riforma għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.
Il-Gvern ħabbar li se jibda riforma dwar il-Wage Regulation Orders u li fiha se jħares fost l-oħrajn f’riforma dwar is-sick leave u diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-post tax-xogħol: żewġ eżempji li l-Partit Nazzjonalista semma’ bħala każi klassiċi tal-bżonn tar-riforma fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet għat-tnedija tal-laqgħat ta’ konsultazzjoni li saret fit-23 ta’ Settembru li għadda.
Dan fid-dawl ukoll li l-Gvern Laburista ħa azzjoni wara li kien il-Partit Nazzjonalista li wera li l-Gvern ma żammx mat-terminu tal-Unjoni Ewropea biex jimplimenta id-Direttiva ‘Transparent and Predictable Working Conditions’, għal darb’oħra grazzi għall-pass li ħa l-Partit Nazzjonalista biex jitkellem dwar dan in-nuqqas tal-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista – fi stqarrija maħruġa mid-deputati Ivan Castillo, Darren Carabott u Graziella Attard Previ – laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern Laburista jimxi kull fejn jitkellem u jipponta l-Partit Nazzjonalista, filwaqt li qed jirriserva l-pożizzjoni tiegħu li jitkellem u jressaq bidliet dwar il-proviżjonijiet tal-Liġi u r-Regolamenti li se jiddaħħlu fir-rigward tal-Wage Regulation Orders.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ determinat li jkompli bil-laqgħat ta’ konsultazzjoni “Kundizzjonijiet – Drittijiet – Xogħol” u jistieden lil dawk kollha li jridu jressqu l-ideat tagħhom biex, kif għamel diġà, iġib il-bidla f’dan is-settur tant importanti.
//= $special ?>