Lokali

FILMAT: Sewwieq jidher jiġi aggredit minn żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta

Transport Malta minn kriżi għall-oħra.

Hija din is-sitwazzjoni preżenti f’din l-aġenzija tal-Gvern wara li fl-aħħar 24 siegħa sar magħruf illi fl-istess entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru tat-Toroq u Traffiku Aaron Farrugia għaddejja b’investigazzjoni interna.

Is-sit Lovin Malta ppubblika filmat illi juri uffiċjali ta’ Transport Malta jagħtu bil-ponn f’wiċċ persuna li f’dak il-waqt kien mixħut għal tulu fl-art. Il-każ seħħ fil-lejl tas-26 ta’ Ottubru fi Triq l-Imdina fil-Marsa, fejn mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-vittma kien sewwieq li twaqqaf mill-uffiċjali minħabba li allegatament kien qed isuq waqt li kien xurban.

Fil-filmat jidher uffiċjal jasal fil-post permezz ta’ mutur u għal xi raġuni, b’ġirja waħda, jmur lejn il-vittma u jfajjarlu daqtejn ta’ ponn f’rasu – bl-uffiċjal l-ieħor li kien fil-post qabel, ikompli miegħu.

Waqt dan kollu, is-sewwieq kien mixħut wiċċu ‘l isfel għal tulu fl-art jaqla’ daqqiet ta’ ponn, sakemm uffiċjali oħra fil-post marru jżommu lill-kollegi tagħhom.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħhom, biż-żewġt uffiċjali involuti preżentament jinsabu sospiżi minn xogħolhom.