Internazzjonali

Iċ-Ċina: In-nies jirvellaw kontra l-politika riġida għal ‘zero Covid’

Folol ta’ residenti fil-metropolis industrijali ta’ Guangzhou irrifjutaw li jibqgħu marbutin bil-liġijiet stretti tal-Covid u fejn anki ġġieldu mal-pulizija li marru biex jikkontrollaw l-hekk-imsejjaħ ‘irvell kontra s-sigurtà’.

Dan meta l-Gvern Ċiniż baqa’ jinsisti bil-politika riġida għal ‘zero Covid’ li tillimita ħafna l-movimenti tan-nies li huma kostretti li jibqgħu ġewwa u ma jitħalltux ma’ oħrajn.

Fil-fatt kellhom jissejjħu l-iskwadri għal kontra l-irvellijiet wara li l-folol qalbu xi vetturi tal-pulizija u niżżlu l-barrikati għall-kontroll tan-nies.

Sadanittant, fl-aħħar jiem, Guangzhou kellu jġarrab l-agħar inċidenza tal-Covid mill-bidu tal-pandemija – u meta l-politika ta’ ‘zero Covid’ qed iżżid il-pressjoni għall-Gvern komunista, fost iċ-ċifri ekonomiċi inkwetanti dovuti għas-sitwazzjoni.

L-akbar tensjoni qed tinħass fid-distrett ta’ Haizhu, fejn in-nies – fosthom ħaddiema foqra — huma kostretti li jibqgħu bilfors id-dar. Il-ħaddiema qed jilmentaw li mhumiex se jitħallsu jekk ma jirrappurtawx għax-xogħol u li huma qed ibatu wkoll min-nuqqasijiet tal-ikel waqt li qegħdin jgħixu taħt il-kundizzjonijiet għall-kontroll tal-Covid.

Sar magħruf, issa, li r-residenti fid-distrett ilhom l-aħħar iljieli jikkonfrontaw lill-pulizija kif ukoll lill-uffiċjali għall-ħarsien tar-regoli dwar il-Covid – bir-rabja ‘tisplodi’ fit-toroq ta’ Guangzhou, fejn il-folol iddeċidew li jisfidaw bis-sħiħ lill-awtoritajiet.

L-għajdut dwar il-Covid anki qed joħolqu l-pressjoni lejn it-Tramuntana taċ-Ċina. Dan waqt li l-uffiċjali fil-provinċja ta’ Hebei qalu li għandhom jieqfu t-testijiet dwar il-Covid għall-massa fil-belt ta’ Shijiazhuang – bl-aħbar iqanqal inkwiet li l-poplu ta’ hemmhekk ‘għandu jintuża għal esperiment’ biex l-awtoritajiet isiru jafu x’ikunu ċ-ċirkustanzi f’każ li l-virus jitħalla jinfirex fost ir-residenti.