Internazzjonali

Il-Polonja: Jinqatlu minn missila tar-Russja

Il-Prim Ministru tal-Polonja Mateusz Morawiecki u l-President Pollakk Andrzej Duda qed ilaqqgħu b’urġenza lill-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali f’Varsavja wara rapporti li xi missili sparati mir-Russja niżlu fuq razzett fil-villaġġ Pollakk ta’ Przewodów u bir-riżultat li nqatlu talanqas żewġ persuni.

Il-Polonja — membru tan-NATO — hi fost l-Istati ġirien tar-Russja u l-awtoritajiet Pollakki kienu ilhom jinkwetaw li pajjiżhom kien se jġarrab direttament l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna bħala parti minn hekk-imsejjaħ ‘spillover effect’.

Għalkemm id-dettalji ma kenux ċari, l-iskwadri għall-emerġenza Pollakki marru malajr fis-sit fejn qed jingħad li niżlu l-missili.

Dan meta l-qawwiet armati tal-Polonja jinsabu fuq stat akut ta’ allert u meta mifhum li telgħu numru ta’ fighter-jets mill-ajruport fl-inħawi ta’ Tomaszów Lubelski.

Fl-aħħar ftit minuti tkellmu xi analisti li qalu li l-missili tar-Russi kienu intenzjonati għall-belt Ukrena ta’ Lviv, xi 60 mil lejn in-nofsinar ta’ Przewodow. Madankollu, l-Alleati tal-Polonja jinsabu ferm allarmanti bl-iżvilupp u anki huma qegħdin isegwu s-sitwazzjoni b’attenzjoni kbira.