Lokali

Il-poplu jistenna t-tweġibiet mingħand il-Ministri u mhux li dawn jistaħbew fil-bini tal-Parlament – PN

F’kull seduta parlamentari, l-ewwel nofsiegħa tkun riservata għall-Mistoqsijiet Parlamentari. Mistoqsijiet magħmulin mid-Deputati tal-poplu, f’isem iċ-ċittadini, indirizzati lejn il-Ministri skont id-dekasteri tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa mill-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar kif ukoll mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia intqal li matul il-jum tat-Tlieta kien imiss li jibda l-Ministru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia biex iwieġeb, iżda dan ma kienx fil-Kamra tar-Rappreżentanti u fl-assenza tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici informa lill-Ispeaker li l-Ministru Farrugia nqabad fuq xogħol ieħor, filwaqt li beda jwieġeb minfloku.

Fil-verità, għall-ħabta tal-4.15pm, kollegi tagħna infurmawna li l-Ministru Aaron Farrugia kien fil-bini tal-Parlament, iżda staħba u ma daħalx fil-Kamra biex iwieġeb dwar il-każ żvelat mill-media indipendenti ta’ vjolenza minn uffiċjali ta’ Transport Malta.

Il-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt jaċċetta dan in-nuqqas serju ħafna minn min suppost iwieġeb il-mistoqsijiet tal-poplu. Dak li għamel illum il-Ministru Farrugia ma hu xejn ħlief disprezz lejn il-poplu u anke lejn il-Kamra tar-Rappreżentanti. Hu disrispett lejn il-poplu li jeleġġi lir-rappreżentanti tiegħu u nuqqas serju lejn il-ħin iddedikat għall-Mistoqsijiet Parlamentari.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-poplu għandu dritt għal tweġiba, partikolarment mingħand Ministru li għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għal għemilu.