Internazzjonali

Is-Summit tal-G20 fl-Indoneżja: Stennija għal kundanna uffiċjali tal-invażjoni tal-Ukrajna – bir-Russi mhumiex lesti li jaċċettaw id-dikjarazzjoni

Ir-Russja tinsab urtata dwar l-abbozz finali tad-dikjarazzjoni tal-G20 li jikkundanna bla riservi l-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna…Gwerra li qed twassal ukoll għall-intoppi u problemi kbar fl-ekonomija globali.

Numru ta’ aġenziji tal-aħbarijiet irnexxielhom jaraw siltiet mill-abbozz anki jekk l-istqarrija finali għandha toħroġ proprju għada, l-Erbgħa.

Il-Gwerra fl-Ukrajna tefgħet dell tqil fuq is-summit għall-aktar 20 pajjiżi industrijalizzati u li kien organizzat f’dawn il-jumejn f’Bali, fl-Indoneżja. U fost l-istennija għal dikjarazzjoni uffiċjali ħarxa dwar l-invażjoni tal-Ukrajna, Moska ma tilfitx żmien biex tikkundanna l-allegat ‘politiċizzazzjoni’ tal-istqarrija.

Filwaqt li r-Russja għadha membru sħiħ tal-grupp tal-G20, ma kienx magħruf, sal-bieraħ,  jekk dan il-pajjiż kellux ikun parateċipi fid-dikjazzjoni finali.

Fl-aħħar sigħat, f’Bali, kien hemm anki l-mumenti drammatiċi fejn il-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit, Rishi Sunak, ikkritika bl-aħrax lir-Russja għall-‘gwerra barbara’ fl-Ukrajna. Dan minbarra li hu kkonfronta direttament lill-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, fejn insista biex it-truppi tar-Russja joħorġu mill-Ukrajna.

Lavrov attenda l-G20 minflok il-President tar-Russja, Vladimir Putin u din kienet l-ewwel darba li Prim Ministru Britanniku spiċċa jikkonfronta uffiċjal għoli ta’ Moska mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-Armata tal-Kremlin.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ukoll indirizza lill-G20  permezz ta’ videolink – fejn sejjaħ biex il-gwerra f’pajjiżu tieqaf minnufih. Zelensky matul id-diskors lill-Mexxejja f’Bali, baqa’ jinjora lir-Russja waqt li rrepeta kontinwament il-kelma ‘G19’ minflok G20. Dan ukoll  fost it-talbiet għal estensjoni għall-ftehim dwar l-esportazzjoni tal-qmuħ mill-portijiet Ukreni li se jiskadi dalwaqt.

Zelensky irrefera wkoll għall-ħtieġa li tkun imħarsa  s-sigurtà fis-setturi nukleari u tal-ikel u biex ma sseħħ l-ebda eskalazzjoni tal-konflitt f’pajjiżu.

Id-diskors ta’ Zelensky sar ftit wara li hu irritorna mir-reġjun ta’ Kherson li waqa’ mill-ġdid f’idejn l-Ukreni wara xhur ta’ okkupazzjoni tar-Russi. It-tluq tat-truppi ta’ Moska minn Kherson qed jitqies bħala żvilupp qawwi f’din il-gwerra u li juri li l-ġellieda Ukreni kapaċi jilliberaw territorji oħrajn f’pajjiżu.