Lokali Qorti

Jinżamm arrestat raġel mis-Sierra Leone li nqabad bi ftit droga fil-Qawra u nofs kilo d-dar

Raġel ta’ 43 sena minn Sierra Leone residenti San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’pussess agravat tad-droga cannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinetx għall-użu esklussiv tiegħu u li sar riċediv. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Alfredo Mangion, qalet li Awal Mohammed in qabad wara li marru jagħmlu spezzjonijiet fl-akwati ta’ Fra Ben fil-Qawra wara li daħlulhom rapport dwar traffikar ta’ droga.

Fuq il-post sabu lill-akkużat u rawh jagħmel sinjal li xi ħaddieħor u hemm waqqfuh u saret tfittxija fuqu fejn fuq il-persuna tiegħu nstabu seba’ grammi cannabis u żewġ mobile phones. Fuq il-mobiles il-pulizija sabu ħafna messaġġi b’korrispondenza ma’ diversi nies biex jittraffika d-droga.

KIl-Pulizija talbuh biex jeħodhom fir-residenza tiegħu imma pprova jqarraq fejn spiċċa biex ħadhom f’postijiet żbaljati sakemm fl-aħħar ħadhom fir-residenza t-tajba u qalilhom li kien ilu xi ġimagħtejn li ma baqax jgħix hemm. Il-pulizija sabu lil sid tal-post mingħand min kien jikri l-post fejn jgħix l-akkużat u fetħilhom hu.

Meta l-Pulizija daħlu ġewwa sabu l-affarijiet kollha tal-akkużat u minn tfittxijiet oħra li saru sabu aktar droga li tammonta għal madwar nofs kilo u flus. Fil-Qorti, l-akkużat li qal jaħdem fis-tiswijiet inġenerali u huwa wkoll ‘pool attendent’ mal-lukanda Excelsior.

Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-avukat Frank Anthony Tabone li deher għalih għamel talba għall-pleġġ iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għax l-akkużi huma serji, m’għandux rabtiet ma’ Malta, u li fil-passat kiser kundizzjonijiet b’rabta mal-‘bail’ u għalhekk mhux affidabbli u għad iridu jixhdu diversi persuni.

Raġuni oħra għall-oppożizzjoni tal-pleġġ kienet li l-pulizija damet aktar minn sagħtejn biex daħlet fid-dar tal-akkużat għax qagħad jgħaddihom biż-żmien u issa r-residenza ġiet f’idejn il-pulizija u għalhekk l-akkużat m’għandux fejn joqgħod.

Id-difiża qalet li xi ħadd ma jingħatax ħelsien mill-arrest hija eċċezzjoni mhux ir-regola u li għadu presunt innoċenti sakemm jinstab ħati. Qalet li ilu Malta mill-2007, jaħdem, għandu tifel ta’ ħames snin u jħallas manteniment lil omm ibnu. Qalet li jista’ jgħix ma’ sħabu u nfurmat lill-Qorti li l-akkużat ibati bl-epilessija.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u ordnat li l-akkużat jingħata l-għajnuna kollha li għandu bżonn minħabba l-kundizzjoni medika li għandu. Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat.