L-eks plejer tat-tim Nazzjonali Ingliż Aaron Lennon ħabbar li ritra mill-futbol milgħub fl-età ta’ 35 sena. Bla dubju li l-aħjar żmien fil-karriera ta’ Lennon kien ma’ Tottenham Hotspur li magħhom lagħab għal 10 snin bejn l-2005 u l-2015 b’total ta’ 266 logħba li fihom sab ix-xibka 26 darba. matul dan iż-żmien huwa kien parti mill-iskwadra tat-tim Nazzjonali Ingliż u kellu 21 preżenza bil-flokk tat-Three Lions.
Prodott ta’ Leeds United, wara Tottenham Lennon, li kien magħruf l-aktar għall-ħeffa li kellu, kien misluf lil Everton, bit-trasferiment tiegħu isir wieħed permanenti wara staġun u magħhom qatta tliet staġuni b’total ta’ 65 logħba li fihom skorja 7 gowls. Wara Everton, f’Jannar tal-2018 huwa ingħaqad ma’ Burnley sakemm fl-istaġun 2020/21 mar it-Turkija f’dik li kienet l-ewwel esperjenza tiegħu barra mill-Ingilterra meta qatta staġun jilgħab ma’ Kayserispor. Huwa rritorna ma’ Burnley l-istaġun ta’ wara fejn magħhom spiċċa l-karriera.
F’messaġġ li kiteb fuq Twitter, Lennon qal li għalkemm kienet deċiżjoni diffiċli ħafna, huwa ħass li din kienet l-aħjar deċiżjoni għalih u għal familja tiegħu. Lennon irringrazzja lil dawk kollha li kienu parti mill-karriera tiegħu fejn minbarra l-familjari u l-ħbieb semma lil Leon Angel, l-aġent tiegħu fejn qal li kien miegħu mill-bidu nett. Huwa rringrazzja lill-klabbs u s-supporters li lagħab magħhom fuq livell ta’ klabbs kif ukoll lil dawk tat-tim Nazzjonali Ingliż.
//= $special ?>