Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo ikkonfermat sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-konfront ta’ salesgirl li nstabet ħatja ta’ serq iżda mhux ta’ miżapproprijazzjoni u ġiet ordnata trodd lura €50,000 lil sid ta’ spiżerija fil-Ħamrun, liema stabbiliment jinkorpora fih ukoll ċentru tas-sbuħija.
F’Marzu tal-2017, il-mara, Fiona Bondin ta’ 45 sena, kienet instabet ħatja li fl-2008 serqet bosta oġġetti u flus mill-cash register u ġiet ikkundannata 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin mill-Maġistrat Ian Farrugia Sid l-ispiżerija, Karen Sciberras fetħet kawżi ċivili kontra Bondin u żewġha għax sostniet l-ammont misruq kien jaqbel il-€159,000.
Hija kienet qalet fil-Qorti li Bondin kienet impjegata magħha fl-2008 u li maż-żmien bdiet tinnota żieda fil-bejgħ, iżda tnaqqis fil-qligħ. Permezz ta’ cameras tas-CCTV, hija qabdet lis-salesgirl tieħu affarijiet minn fuq l-ixkafef u flus mill-cash register.
Meta kienet ċerta dwar dan għamlet rapport lill-pulizija u minn investigazzjoni li saret, irriżulta li fir-residenza ta’ Bondin instabu ħafna oġġetti misruqa. Qalet ukoll li matul iż-żmien li kienet impjegata magħha, il-mara xtrat diversi oġġetti ta’ valur fosthom karozza, playstation, kelba li tiswa’ ħafna flus, kitarra elettrika, dehbijiet u mobile phones.
F’Ottubru tal-2016, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lil Bondin tagħti lis-sid €50,000. Madankollu Bondin appellat mis-sentenza għax qalet li ma serqitx b’aktar minn €1,000. Il-Qorti tal-Apprell qaletli mill-provi rriżulta li l-filmati tal-cameras tas-sigurtà qabdu lil Bondin tisraq diversi drabi u ma tistax titwemmen meta tgħid li ma serqitx b’iktar minn €1,000.
Fl-istess waqt il-Qorti qalet li lanqas ma ġie ppruvat li Bondin serqet b’madwar €159,000 kif qalet sid l-ispiżerija. Huma kkonfermaw l-ammont ta’ €50,000 li kien deċiż mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili wara li din qieset rapport tal-professjonisti u nnutaw li Sciberras aċċettat din is-somma.
Il-Qorti tal-Appell qalet li s-sid aċċettat is-sentenza tal-Ewwel Qorti, minkejja li talbet €159,764 u ngħatat terz l-ammont. Qalet li s-sid m’appellatx u dehret kuntenta bl-ammont. Il-Qorti tal-Appell qalet li m’għandhiex tagħti vantaġġ lis-sid tal-ispiżerija meta għandha provi li l-kotba tagħha mhux ta’ min joqgħod fuhom.
Sadanittant il-Qorti tal-Appell qalet li Bondin hija ħatja tal-akkużi li nġiebu kontriha u qalet li ma tarax li jkun sew li din ma tħallasx kumpens għat-telf li żgur ikkaġunat lis-sid. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-ewwel Qorti tat raġunijiet tajbin biżżejjed għad-deċiżjoni tagħha u ma ssib xejn x’tiċċensura għax l-ammont eżatt ma jistax jirriżulta b’mod preċiż. L-Ewwel Qorti fuq kumpens ta’ €50,000 kienet korretta.
//= $special ?>